Qabel il-laqgħa tal-Kabinett bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, li saret fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza, u Teknoloġija (l-MCAST), il-Prim Ministru Robert Abela żar l-kampus u l-faċilitajiet li jofrri l-Kulleġġ f’Raħal Ġdid.
F’dan il-Kulleġġ bħalissa qed isir investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva; investiment li, fost oħrajn, se jbiddel u jimmodernizza l-kampus u l-ambjent edukattiv kemm għall-istudenti kif ukoll għal-letturi u edukaturi.
Il-Prim Ministru żar diversi binjiet fil-Kulleġġ, fosthom iċ-Ċentru Marittimu, il-workshops fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, is-sit ta’ kostruzzjoni tal-binja l-ġdida tal-Istitut tal-ICT, u ċ-Ċentru tar-Riżorsi li kien inawgurat fi Frar tas-sena l-oħra, b’investiment ta’ aktar minn disa’ miljun ewro. Dan huwa parti minn proġett b’investiment ta’ kważi tlieta u tletin miljun ewro kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li qed jara l-immodernizzar tal-kampus.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru seta’ jara l-ħajja studenteska attiva fl-MCAST u ngħata informazzjoni dwar il-proġetti kollha li għaddejjin fi ħdan dan il-Kulleġġ.
Fl-MCAST hemm aktar minn għaxart elef u mitt student reġistrat, li minnhom aktar minn sebat elef huma studenti full-time u aktar minn tlett elef student huma part-time. Hemm ukoll madwar ħames mitt lettur.
Maż-żieda li qed tkun reġistrata fl-istudenti, l-MCAST għaddej b’titjib tar-riżorsi u tal-aċċessibilità, li huma prijorità għolja flimkien mal-impetu għal investiment kontinwu – investiment li qed jara spazji ta’ tagħlim dinamiku li permezz tiegħu l-letturi u l-istudenti jistgħu jkunu ispirati biex jikkollaboraw u joħolqu xogħol innovattiv.
Ta’ kull sena l-prospett varat mill-MCAST qed ikollu żieda ta’ korsijiet biex jirrifletti kemm l-aspirazzjonijiet tal-istudenti prospettivi kif ukoll b’rabta mal-bżonnijiet tal-industrija.
Għal din is-sena akkademika l-prospett joffri mitejn kors, b’żieda ta’ disa’ korsijiet fuq il-prospett tas-sena akkademika li għaddiet, minn livell bażiku għal korsijiet fil-livelli ta’ Baċellerat u Master’s.
Il-kwalifiki vokazzjonali li joffri l-Kulleġġ jinkludu element qawwi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol biex l-istudenti jgawdu minn tagħlim prattiku f’diversi suġġetti, inklużi l-arti kreattiva, ix-xjenza applikata, l-inġinerija, is-servizzi fil-komunità, u l-informatika.
Waqt iż-żjara fl-MCAST, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Clifton Grima.