B’investiment ta’ miljun u nofs ewro, l-Enemalta għaddejja b’xogħlijiet ta’ infrastruttura elettrika fiż-Żurrieq.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli waqt żjara li għamlet f’din il-lokalità, fejn intqal li dan ix-xogħol qed isir sabiex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Ix-xogħol qed isir fi tliet bnadi fiż-Żurrieq u mistennija jitlestew fix-xhur li ġejjin.
Iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Jonathan Scerri spjega kif hawnhekk għaddej xogħol importanti sabiex il-provvista tal-elettriku tkun aktar stabbli.
Qal, “Se nżidu cable mid-distribution centre ta’ Ħal Kirkop lejn iż-Żurrieq, biex ma nibqgħux niddependu biss mis-supply fuq in-naħa ta’ Ħal Far, f’każ li jkun hemm xi ħsarat fuq dan is-supply il-ġdid. Barra minn hekk hemm żewġ substations ġodda, waħda li diġà saret u oħra li qed tinbena bħalissa sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizz.”
Ix-xogħlijiet jinkludu l-bini ta’ substation ġdida fi Triq l-Indipendenza b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro u se tinbena substation oħra fl-inħawi ta’ Bubaqra.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif madwar il-pajjiż qed isir diversi xogħol b’ritmu mgħaġġel, inkluż fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi.
Qalet, “L-Enemalta bħalissa qed tagħmel numru ta’ investimenti f’pajjiżi differenti, inkluż lokalitajiet fil-viċin, bħal ma huwa l-Qrendi u anki lokalitajiet oħra bħas-Siġġiewi, il-Għargħur, Ħad-Dingli, Wied il-Għajn u lokalitajiet oħra, fejn għandna kwistjoni ta’ domanda li qegħda tikber għal konsum tal-elettriku u kull fejn għandna domanda li qed tikber b’mod qawwi qegħdin naraw li ninvestu aktar u li nsaħħu l-infrastruttura, sabiex noffru l-aħjar servizz lir-resident u n-negozji.”
Dan l-investiment jingħaqad ukoll max-xogħlijiet li qed isiru fiż-żona tal-Baħrija, b’investiment ta’ miljun ewro.
Hawnhekk ġie spjegat kif l-iniġiera tal-Enemalta għaddejjin bi studji taż-żoni problematiċi minħabba infrastruttura antika li mhux tlaħħaq mad-domanda bla preċedent tal-lum.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet kif permezz ta’ dan l-investiment, il-familji u n-negozji f’din il-lokalità ser ikollhom provvista tal-elettriku aħjar.