Il-Gvern għaddej b’ħidma biex titneħħa l-alka kollha mill-inħawi ta’ Buġibba bi preparazzjoni għas-sajf, kif ukoll ħaseb għal tibdil tal-kontenituri tal-iskart madwar il-lokalità.
Apparti dan qed isir ukoll xogħol biex jitneħħa r-ramel minn taħt il-pjazza ta’ Buġibba.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjegaw li fl-aħħar żmien, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni nvestiet f’makkinarju ġdid li jiġbor l-iskart b’mod aktar effiċjenti.
Fl-istess ħin twaħħlu mat-tliet mitt kontenitur tal-iskart f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, numru li mistenni jiżdied hekk kif nersqu aktar lejn l-istaġun tas-sajf.
Fil-jiem li ġejjin se jibda xogħol ta’ tindif iktar frekwenti, fosthom xogħlijiet ta’ ħasil ta’ promenades fiż-żoni turistiċi kollha. Kollu xogħol li se jsir grazzi għal investiment ta’ mija u ħamsin elf ewro mifruxa fuq perjodu ta’ tliet xhur.