F’maħżen ta’ entità jew dipartiment tal-Gvern wieħed isib oġġetti, apparat u ħtiġijiet oħra b’valuri li jkunu jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro, jekk mhux miljuni, imħallsa mit-taxxi tal-poplu.
Għalhekk il-ħtieġa li jinżamm rendikont bis-serjetà fejn kollox ikun dokumentat bl-ikbar trasparenza u serjetà.
Passi f’dan is-sens ittieħdu fil-maħżen fejn jinżammu oġġetti marbuta mal-manutenzjoni fir-residenza San Vinċenz De Paul.
Il-proġett li sar u li sodisfatta bih is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, jinkludi tqassim aħjar u introduzzjoni ta’ sistema elettronika ta’ inventarju aktar preċiż.
B’nefqa ta’ ftit inqas minn €100,000 saret ukoll bidla radikali mill-istat li kien jinżamm fih qabel. Minn stat diżastruz illum l-ambjent fl-imħażen huwa wieħed tal-ogħla livell.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul, Josianne Cutajar, qalet li fl-imħazen hemm tim ġdid ta’ ħaddiema magħmul minn għaxar uffiċjali li ngħataw taħriġ speċjalizzat.
Cutajar qalet li dan il-proġett qed jgħin biex ikun hemm ippjannar aħjar u aktar fit-tul. Kif ukoll iffrankar ta’ ħin meta jinxtraw l-provvisti. Għaldaqstant proġett simili issa se jsir fl-ispizerija ta’ San Vinċenz De Paul .
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan l-investiment se jwassal għal aktar effiċjenza u kontabilità u jnaqqas il-burokrazija.
Żiedet tgħid li dan kollu jwassal biex f’San Vinċenz tingħata l-aqwa kura u tal-ogħla livell lil aktar minn 1,100 resident anzjan.