L-isport kien iċ-ċentru ta’ laqgħa tal-Kabinett fil-padiljun f’Ta’ Qali t-Tnejn, fejn fost oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela ta dettalji ta’ x’investimenti qed isiru madwar il-pajjiż fil-qasam sportiv.
Ewlenin fost dawn hemm ix-xogħlijiet kollha b’rabta mal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li Malta se tilqa’ fl-2023. Dr Abela fakkar kif f’April li għadda stess il-Gvern ħabbar investiment massiċċ ta’ ħames miljun ewro, li se jsir kollu kemm hu fl-atleti li se jirrappreżentawna. Atleti li fi kliem il-Prim Ministru għandu jkollhom miri għolja waqt il-logħob.
Qal, “Ejja nużawhom biex niksbu l-aqwa riżultat fl-istorja. Biex nilqgħu l-logħob qed ninvestu f’faċilitajiet bħat-trakka tal-Marsa, il-pixxini tal-Kottonera u s-Sirens, u faċilitajiet ġodda għal sport ieħor bħal squash u ġinnastika. Għall-ewwel darba qed ninvestu fl-iżvilupp tal-atleti nfushom. Ħames miljun ewro qed jiġu investiti fl-atleti elite.”
Il-Prim Ministru żied jispjega wkoll li t-triq ’il quddiem għall-qasam f’Malta għandu jkun li ż-żgħażagħ ikollhom iċ-ċans jinbtu karriera professjonali fl-isport, jekk jixtiequ.
Spjega, “Ifisser li aħna rridu nagħtu aċċess għall-isport, bl-aktar mod mifrux fil-komunitajiet, skejjel u kull fejn hu possibbli. Bl-istess mod irridu li uliedna jaspiraw li jkunu sportivi ta’ karriera. Li jaraw li f’pajjiżhom jistgħu jgħixu ħajja ta’ sport professjonali u jimmiraw li jilħqu l-quċċata f’kompetizzjonijiet internazzjonali.”
Tul il-laqgħa tal-Kabinett kien hemm preżenti rappreżentanti ta’ bosta għaqdiet sportivi madwar Malta u Għawdex li pparteċipaw fi djalogu mal-Gvern dwar il-futur tal-qasam.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol, Bjorn Vassallo, laqa’ l-mod kif il-Gvern qed jippjana l-investiment tiegħu fl-isport.
Qal, “Naħseb li dak kollu li qed isir fl-isport Malti fl-aħħar snin qed isir b’aktar ħsieb u pjan, u meta jitkejjel għandu jħalli valur ta’ ritorn soċjali. B’hekk iferraħ mhux biss lid-dilettanti u l-isportivi, iżda wkoll jagħtina sens ta’ kburija nazzjonali u jgħaqqadna flimkien.”
Hawn tkellem ukoll Kevin Buttigieg mill-Unjoni Maltija għar-Rugby, li qal kif grazzi għal djalogu mal-Gvern u ma’ Sport Malta, dan l-isport ukoll qed jiżdiedulu l-opportunitajiet.
Qal, “We managed to pick up some new sponsorships because we now have facilities, and we are going to march forward. And I have thrown us in the fire. There is a charity organization called The Legends of Rugby, and on March 3rd to March 6th, they will be hosting charity events in Malta and will play our National Team.”