B’investiment ta’ €75,000 se jiġu installati madwar mitt kamera tas-sigurta f’seba’ residenzi u seba’ ċentri ta’ matul il-jum tal-Aġenzija Sapport.
Dan il-proġett se jsaħħaħ il-mezzi ta’ sigurtà fil-binjiet diversi ta’ Aġenzija Sapport għall-benefiċċju tal-klijenti, l-impjegati u l-viżitaturi.
Wieħed minn dawn iċ-ċentri huwa dak taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Raħal Ġdid, li qed jospita aktar minn ħamsin persuna b’diżabilita.
Dan iċ-ċentru jorganizza diversi attivitajiet maħsuba biex jgħinu u jnisslu sens akbar ta’ inklużjoni u ħarsien, kif ukoll fil-kisba ta’ għajxien indipendenti fil-komunità.
Fost l-attivitajiet li jsiru f’dan iċ-ċentru hemm ħarġiet fil-komunità, sessjonijiet dwar l-użu tal-kompjuter u sessjonijiet edukattivi.
Waqt żjara f’dan iċ-ċentru, il-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli tenniet li Aġenzija Sapport se tkompli tinvesti fil-provvista ta’ faċilitajiet teknoloġiċi moderni u aċċessibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jkattru l-għajxien indipendenti għal persuni b’diżabilita.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Olivier Scicluna tkellem dwar l-importanza ta’ inklużjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità. Huwa tenna li l-programmi tal-aġenzija huma mħejjija bil-għan li persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal tagħhom u jakkwistaw ħiliet ġodda.