Id-Dipartiment għax-Xogħolijiet Pubbliċi investa ‘l fuq minn nofs miljun ewro f’inġenji ġodda biex il-ħidma tad-dipartiment issir dejjem iktar sostenibbli, sigura u effiċjenti.
Dan bħala parti minn pjan sabiex jiġu mibdula l-vetturi u l-inġenji l-iktar qodma u li jagħtu diffikultajiet waqt ix-xogħolijiet.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt żjara li għamel fil-garaxx tal-Gvern f’Kordin.
Id-dipartiment investa f’ħames trakkijiet ġodda ta’ sittax-il tunnellata l-wieħed li se jintużaw għall-ġar ta’ materjal tal-kostruzzjoni u merkanzija oħra, erba’ karrijiet ta’ tliet tunnellati u nofs biex jintużaw għall-ġar ta’ inġenji żgħar u żewġ rombli ta’ żewġ tunnellati li se jintużaw għal xogħol ta’ manutenzjoni ta’ toroq.
Barra minn hekk, sar investiment ukoll f’żewġ mini-excavators ta’ erba’ tunnellati li se jintużaw għal xogħol ta’ tħaffir li mistennija jaslu f’pajjiżna f’Mejju li ġej. L-inġenji kollha huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija u b’ċertifikat ta’ konformità mad-direttivi Ewropej.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello qal, li l- introduzzjoni ta’ dawn il-vetturi mal-flotta eżistenti ser tgħin lill-ħaddiema biex iwettqu dmirijiethom b’iktar effiċjenza u effettività.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia sostna li parti mill-inġenji u l-vetturi li jintużaw fix-xogħlijiet ilhom jintużaw għal numru ta’ snin.
Kawża ta’ hekk, il-ħsarat fuqhom ikunu spissi u barra li dawn jiswew il-flus, itellfu wkoll l-andament u l-pjan tax-xogħlijiet.
Għaldaqstant, huwa tenna li dan l-investiment kien bżonnjuż ferm u barra li se jġib miegħu bidla pożittiva fil-ħidma ta’ kuljum tal-ħaddiema se jiżgura iktar effiċjenza fit-tlestija tal-proġetti.
“Permezz ta’ dan l-investiment, il-ħaddiema tagħna tal-Public Works se jkunu qed jaħdmu b’inġenji ta’ kwalità ogħla, iktar siguri u b’inqas ħsejjes u effetti ambjentali. Dan l-investiment kien bżonnjuż immens u barra li se jġib miegħu bidla pożittiva fil-ħidma ta’ kuljum tal-ħaddiema tagħna se jiżgura aktar effiċjenza fit-tlestija tal-proġett.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia