L-entità governattiva WasteServ ħabbret li qed tagħmel qabża oħra sinifikanti fil-miri nazzjonali ta’ ekonomija ċirkolari b’investiment f’apparat ġdid, pasteuriser, li se jibdel l-iskart organiku f’riżorsa siewja, li wkoll tgħin il-biedja lokali timxi lejn futur aktar sostenibbli.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt żjara fil-kumpless ECOHIVE fin-Naxxar, fejn jinsab dan l-apparat.
Il-pasteuriser se jipproċessa d-diġestat, materjal li jibqa’ fl-aħħar tal-proċess tal-iskart organiku, wara li jintuża fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, biex isir kompost ta’ grad agrikolu li l-bdiewa jistgħu jużaw b’mod sigur u anke jżidu s-sustanzi fil-raba tagħhom.
Il-Ministru Dalli qalet li dan l-makkinarju ġdid se jgħin biex il-WasteServ tkompli tittrasforma l-iskart f’riżorsi utli u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi favur is-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-iskart, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u issa anke t-titjib fis-setturi tal-biedja lokali.
B’din l-inizjattiva qed tkompli tibni ukoll fuq l-isforzi kontinwi tal-WasteServ miċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ta’ Qali, fejn l-iskart agrikolu qed jinbidel f’kompost.
“Dan hu investiment importanti għall-WasteServ, għax grazzi għal dan l-aktar investiment riċenti, qegħdin inkomplu nagħlqu ċ-ċirku biex nassiguraw ekonomija ċirkolari. Fil-fatt, mill-iskart organiku li jinġabar mid-djar tan-nies u mill-istabbilimenti kummerċjali, m’aħniex biss noħorġu d-dawl, imma qegħdin inwasslu biex l-iskart organiku jispiċċa wkoll f’kompost li jista’ jintuża mill-bdiewa tagħna. Allura b’dan il-mod, qegħdin nolqtu żewġ għanijiet ewlenin, l-ewwel waħda li nżidu l-persentaġġ tar-riċiklaġġ f’pajjiżna u t-tieni għan li nkunu qegħdin nagħtu aktar għajnuna lill-bdiewa f’pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif dan l-investiment jirrappreżenta titjib fl-operat, fejn anke bħalissa għaddej l-ikkummissjonar u l-ittestjar ta’ dan il-makkinarju bir-riżultat aħħari jkun żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-kompost, b’kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ madwar 2,900 tunellata.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella, tenna li dan il-proġett se jkompli jikkumplimenta proġett li diġà beda b’kollaborazzjoni mal-WasteServ stess u, b’dawn it-tnejn, qed igawdi wkoll il-bidwi fit-tkabbir tal-prodotti lokali u r-reżiljenza tas-settur.
Il-Ministru Refalo spjega kif dan hu kruċjali għaż-żamma tar-raba u issa dan kollu jista’ jkun possibbli bi proċess li jara li l-kompost jitqassam għand il-bdiewa, biex eventwalment ikompli jwassal ikel ta’ kwalità fuq l-imwejjed tal-familji Maltin u Għawdxin.
“Fil-preżent, il-bdiewa u r-raħħala tagħna għaddejjin minn żminijiet diffiċli, speċjalment minħabba t-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, din l-inizjattiva, li biha il-WasteServ qiegħda tagħmel u tipproċessa dan l-iskart organiku f’kompost, u mbagħad tagħtih lill-Malta Food Agency biex jitqassam b’xejn lill-bdiewa tagħna, li hi mportanti ħafna. Wara kollox kulħadd jaf li l-bdiewa huma l-kustodji tal-ambjent, irrid ngħid għalhekk grazzi l-ewwel nett lill-Ministru Miriam Dalli, kif ukoll lis-CEO Bilocca u t-tim tiegħu għal din l-inizjattiva li tagħti serħan u sostenn lill-bdiewa u r-raħħala tagħna.”
Il-pasteuriser se juża l-fwar biex jisterilizza d-diġestat f’temperaturi għoljin ħafna, bid-disinn tiegħu jiżgura telf minimu ta’ enerġija, fil-proċess biex il-materjal jiġi kkonvertit f’kompost, li mistenni jibda jitqassam mill-Pitkalija.