Tqiegħed pillar tad-dawl u l-ilma fil-port tal-Ġnejna mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, li se jkun qed iservi ta’ faċilità importanti għas-sajjieda taż-żona.
Il-port tal-Ġnejna jilqa’ fih 39 sajjied professjonali kif ukoll 138 sajjied fuq bażi rikreazzjonali. Filwaqt li numru mill-ispeċi ta’ ħut li jinqabdu minn dan il-port jinżlu direttament fil-Pixkerija, ammont ieħor minn dan il-ħut jinbiegħ direttament mis-sajjieda.
Dawn il-pilastri huma parti mill-investiment ta’ nofs miljun ewro, li ġie mniedi mill-Gvern aktar kmieni din is-sena, bil-għan li jiffaċilita ħajjet is-sajjieda Maltin kollha u biex jipprovdi aktar aċċessibilità.
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, iddiskutiet flimkien mas-sajjieda preżenti kif, sal-lum, kull darba li jkollhom bżonn iwettqu tiswijiet żgħar fuq id-dgħajjes tagħhom, kien ikollhom jinvestu f’alternattivi bħal generators. Fl-istess ħin, meta jaħslu l-ħut, dawn kien ikollhom iġorru tankijiet bl-ilma.
Is-sajjieda spjegaw kif dawn il-faċilitajiet ġodda huma attrezzati biex jeliminaw dan il-piż finanzjarju żejjed u huma disponibbli għas-sajjieda b’mod immedjat għall-użu ta’ kuljum.
Is-Segretarju Parlamentari fakkret kif dan il-proġett hu mifrux f’diversi portijiet u żoni madwar Malta, hekk kif il-ħidma f’postijiet, bħal Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, l-Għadira u l-Mellieħa, tlestew jew jinstabu fil-fażi finali tagħhom.
Qalet, “L-investiment fil-portijiet għas-sajjieda għaddej b’ritmu tajjeb ħafna u llum ninsabu hawn fejn ġejna nniedu l-proġett tal-pillars fil-Ġnejna. Dan il-proġett hu importanti għax qed ngħinu biex innaqqsu l-iskariġġ tas-sajjieda. Dan hu investiment importanti ħafna li se tkompli tgħin lis-sajjieda fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.”
Hi stqarret li dan it-tip ta’ investiment hu importanti wkoll, għax is-sajjieda se jkunu jistgħu jżommu l-freezers tagħhom mixgħulin bid-dawl, minflok jużaw il-fuel.
Is-Segretarju Parlamentari fakkret ukoll kif il-pilastri jistgħu jintużaw primarjament mis-sajjieda rreġistrati, permezz ta’ ċippa elettronika li tiġi pprovduta mid-Dipartiment stess.