Din is-sena, il-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina jagħlaq 50 sena mill-ftuħ u s-sena d-dieħla, l-aġenzija Heritage Malta se tinvesti €300,000 biex tissaħħaħ il-kollezzjoni tiegħu.
ONE News żar dan il-mużew u tkellem maċ-Chairman tal-Heritage Malta, Mario Cutajar, li qal li dan se jkun l-ewwel investiment maġġuri li se jgħaddi minnu dan il-mużew. Dan l-investiment se jsir matul is-sena d-dieħla.
Qal, “Ma nistgħux, bit-tibdil fil-klima kif aħna llum – fejn l-ambjent huwa l-inkwiet tan-nies, fejn irridu nieħdu ħsieb l-ambjent tal-lum biex inħalluh għall-ġenetazzjonijiet ta’ għada – dan il-mużew ma jitkellimx fuq affarijiet relevanti għan-nies.”
Mario Cutajar qal li l-investiment aħħari huwa li dan il-mużew jitmexxa minn hemmhekk għal sit ieħor.
Qal, “L-investiment il-kbir ikun meta dan il-mużew jiċċaqlaq minn hawn għal sit aħjar. Għandna ħsibijiet għal dan il-post, li jiswa wkoll għall-inħawi. Imma, l-iktar importanti li dan il-mużew jiċċaqlaq minn hawn, u rridu nsaħħu iktar il-kollezzjonijiet.”
Fl-intervista ma’ ONE News, Cutajar sostna li l-mużewijiet kollha tal-Heritage Malta għandhom bżonn jinbidlu biex ikunu relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Qal, “Biex ikunu relevanti fis-soċjetà, mhux għall-viżitaturi imma relevanti għas-soċjetà. Ma jibqgħux palazzi tal-antikitajiet u jkunu kalamita, biex inti tmur jekk tkun trid issir taf aktar.”