Investiment fil-‘Malta Film Studios’ ser jara lis-settur tal-films f’pajjiżna isir wieħed iżjed attraenti. Dan b’masterplan b’investiment ta’ €35 miljun mill-Gvern li ser ikun qed jara titjib sostanzjali fil-‘Malta Film Studios’ fil-Kalkara.
Waqt żjara mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo huwa stqarr kif fl-aħħar snin din l-industrija ħalliet madwar €32 miljun fl-ekonomija Maltija. Qal li iżjed produzzjonijiet iridu jinġiebu f’pajjiżna sabiex dawn isarrfu wkoll ta’ reklam turistiku tajjeb.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Matul it-tmien xhur li għaddew din l-industrija ħalliet fl-ekonomija ta’ pajjiżna madwar €32 miljun fejn qed naraw li minkejja d-diffikultajiet kollha li għaddiet minnhom id-dinja kollha din l-industrija baqgħet għaddejja ‘l quddiem u hija waħda reżiljenti. Inħares ‘il quddiem li b’dan il-‘masterplan’ inkunu nistgħu noffru iżjed opportunitajiet lill-poplu Malti u Għawdxi fejn tidħol din l-industrija tal-films.”
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech spjega kif dan l-investiment fil-‘Malta Film studios’ ilu mistenni u ser iwassal sabiex pajjiżna jkompli jattira iżjed produzzjonijiet ta’ livell għoli. Stqarr kif il-Gvern wieġeb għal din l-għajta ta’ bżonn ta’ investiment dirett fis-settur tal-films f’pajjiżna.
Huwa sostna: “Kif fin-1964 u n-1979 ta’ qabilna bnew l-ikbar tankijiet illum qed nerġgħu niktbu l-istorja biex inkomplu insaħħu, nibnu faċilitajiet ġodda u nkomplu nsaħħu l-‘Malta Film Studios’, biex b’hekk inkomplu nibnu minn Malta ‘a world class film industry’ biex inkomplu nattiraw aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna u wkoll inħajru aktar nies jidħlu fl-industrija tal-films.”