Bosta skejjel f’Malta u f’Għawdex raw investiment ta’ għaxar miljun ewro fi tmenin laboratorju għall-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu f’bini ġdid, modernizzar, xiri ta’ apparat u tagħmir ieħor bħala parti mill-proġett INVEST.
Dan propju tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fi żjara li għamlu fl-iskola sekondarja ta’ Ħal Kirkop.
Il-Ministru Caruana qalet kif b’dan l-investiment, qed ninvestu wkoll biex jissaħħu l-ħiliet tal-istudenti Maltin u Għawdxin.
Qalet, “Qed nitkellmu fuq laboratorji għal taħriġ vokazzjonali u allura biex inkomplu ninvestu f’edukazzjoni aktar inklussiva u ninvestu bis-sħiħ fil-ħiliet tal-istudenti tagħna.”
Il-Gvern fetaħ laboratorji u workshops fl-Iskejjel Sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex, biex l-istudenti jingħataw l-opportunità li jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti.
Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Midja, t-Tessuti, l-Agri-negozju, il-Bejgħ fil-Ħwienet u l-Kura tas-Saħħa.
B’hekk, studenti li jispiċċaw mill-Form 5 u li ma jkunux iridu jkomplu l-iskola, jistgħu jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol f’diversi setturi.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq kif b’dan qed naraw kif il-fondi Ewropej jaslu għand kulħadd.
Spjega, “Il-kulleġġ San Benedittu saru sitta minn dawn il-laboratorji li kelli l-opportunità li nżur u nara l-esperjenza li qegħdin igawdu l-istudenti u t-taħriġ u t-tagħlim li qed jinkiseb minnhom.”