F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, tħabbru dettalji dwar il-ħolqien tal-ewwel Ċentru għall-Komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna.
Dan iċ-ċentru se jkun fil-qalba tal-Belt Valletta, fi Triq l-Ifran. Post storiku, li għal snin twal kien abbandunat.
Il-Kap tat-Taqsima dwar l-Ugwaljanza, Clayton Mercieca tkellem dwar is-servizzi li se jiġu offruti f’dan iċ-ċentru.
“Vantaġġi primarjament huma li jistgħu jiġu offruti servizzi speċjalizzati għal persuni LGBTIQ li hemm bżonn. Li fihom ikun hemm faċilitajiet ta’ wellbeing, pyscho-social services, kif ukoll ittestjar ta’ saħħa sesswali. Se jkun hemm ukoll group therapies, kif ukoll group support u individual counselling.”
Clayton Mercieca – Kap, SOGIGESC
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li Malta għamlet avvanz sinifikanti fid-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, u sostniet li dan iċ-ċentru ħa jingħaqad mal-ħafna li diġà sar f’dan is-settur.
“Għaldaqstant kburin ħafna li bħala Partit Laburista fil-Gvern qed inżommu mal-wegħda elettorali li għamilna li nipprovdu dan iċ-ċentru għal din il-komunità b’impenn biex inkomplu nsaħħu l-ugwaljanza. Inħares ’il quddiem biex nara din il-binja lesta sabiex b’hekk inkomplu nassiguraw li kulħadd jiġi trattat bid-dinjità li jistħoqlu.”
Rebecca Buttigieg – Segretarju Parlamentari
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett se jkompli jiġġenera wkoll il-kapitali, b’binja li qed tingħata mill-Awtorità tal-Artijiet.
“Dan huwa t-tip ta’ xogħol li rridu nagħmlu permezz tal-Awtorita tal-Artijiet, li binjiet jingħataw ħajja ġdida u li naraw li jkun hemm aktar skop pubbliku u aktar servizzi biex nilħqu aktar lin-nies u nwettqu aktar ġustizzja soċjali.”
Stefan Zrinzo Azzopardi – Ministru