Permezz ta’ ffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u u l-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa se jsir maħżen għad-dgħajjes u uffiċini ġodda minn fejn jopera fil-lokal stess.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia.
Il-binja se tikkonsisti minn żewġ sulari u sottoterran, u se tinbena max-xatt ta’ Birżebbuġa, ftit metri ’l bogħod minn slipway biex il-qaddiefa jkollhom aċċess aktar faċli.
Il-binja, li se tieħu post mitluq, se tinkludi maħżen għad-dgħajjes u uffiċini minn fejn se topera l-amministrazzjoni.
Il-Ministru Grima qal li dan hu ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f’kull livell.
“Irridu nkomplu nagħtuh prijorità. Il-fatt li llum ninsabu hawnhekk, fil-lokalità ta’ Birżebbuġa, fejn kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, se jkun hawn investiment fil-Klabb tar-Regatta ta’ din il-lokalità, hi prova oħra kemm nemmnu li l-isport għandu aspett kompetittiv u soċjali.”
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega kif, minkejja diversi sfidi loġistiċi, l-akbar sfida għal dan il-klabb hi dik li jrawwem tfal ġodda f’dan l-isport peress li l-imħażen li jinkrew bħalissa jinsabu barra l-lokal.
“F’20 sena ta’ storja, dan il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa, qatt ma kellu l-binja tiegħu u dejjem kera maħżen fil-Belt Valletta. Kif fehmuna huma stess, din tikkawżalhom diversi sfidi kemm ta’ loġistika, però aktar minn hekk sfidi biex irawmu tfal ġodda f’dan l-isport.”
Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa Ian Farrugia qal li din is-sena l-klabb qed ifakkar l-għoxrin sena mit-twaqqif tiegħu u matul dawn is-snin qatt ma kellu l-binja tiegħu u dejjem opera minn maħżen mikri fil-kapitali.
“F’dawn l-20 sena, dejjem ipprovajna nsibu soluzzjoni kif inżommu d-dgħajjes u kif inrawmu t-tfal. B’dan il-bidu, qed naraw futur sabiħ kemm għal Birżebbuġa u anke għal-lokalitajiet tal-madwar.”