Il-kumpanija WasteServ se tinvesti żewġ miljun ewro biex tiftaħ linja oħra fil-Kumpless ECOHIVE fin-Naxxar, li minnha se tieħu skart riċiklabbli ta’ kwalità għolja b’potenzjal li jerġa’ jidħol fil-katina tal-provista.
Għal dan il-għan, ħarġet sejħa għall-offerti għat-tagħmir li se jintuża f’dan il-proġett, li se jkun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Kap Eżeuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca spjega li din il-linja se tkun qed tipproċessa madwar wieħed u erbgħin elf tunnellata ta’ materjal li se jiġi sseparat permezz ta’ makkinarju apposta li ħa jkun qed jiġbor u jagħżel b’mod awtomatizzat it-tipi differenti ta’ metall, kartun u plastik.
Qal kif, “Makkinarju ġdid li għandu jitħaddem biex itejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tal-prodott finali. Jiġifieri, il-prodott li mbagħad jitqiegħed fis-suq internazzjonali għall-użu mill-ġdid fi prodotti oħra fl-ekonomija ċirkolari u riċiklata.”
Fi żjara fil-kumpless ECOHIVE, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li fl-aħħar xhur, pajjiżna għamel passi importatni fejn jidħol ir-riċiklaġġ.
Qal, “Il-pajjiż issa għandu pjan fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll l-impjant ECOHIVE, b’impjanti state-of-the-art inkluż material cover facility li se tgħin biex nilħqu l-miri tagħna fejn jidħol riċiklaġġ fuq livell internazzjonali.”
Investimenti bħal dawn, qal il-Ministru Farrugia, jimxu id f’id mal-miri tal-istrateġija li ppubblika l-Gvern dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Din għandha twassal għal ammont rekord ta’ riċiklaġġ li se jiġi trattat f’impjant ġdid li għandu jiiġi kkummisjonat fl-erba’ snin li ġejjin bħala parti mill-kumpless ECOHIVE.