Ġie aġġudikat il-kuntratt ta’ apparat li jiswa aktar minn tliet miljun ewro; li se jissarraf f’tagħmir ġdid għall-Bank tad-Demm, u se jwassal biex fix-xhur li ġejjin, aktar nies ikunu jistgħu jagħtu d-demm.
L-apparat tal-aħħar teknoloġija magħruf bħala NAT Testing – li mistenni jasal f’pajjiżna tmien ġimgħat oħra – janalizza u jaqbad kull tip ta’ kundizzjoni li donatur jista’ jkollu.
It-tabiba tal-Bank Nazzjonali tad-Demm Dr. Denise Borg Aquilina spjegat li dan l-apparat huwa aktar sensittiv u avvanzat mit-testijiet li jsiru llum, u bih se jelimina l-problema tad-donaturi li ma jkunux jistgħu jagħtu d-demm għax isiefru f’ċertu pajjiżi.
Spjegat kif “Fis-Sajf ikollna ħafna deferrals u ma nħallux lin-nies jagħtu għax ikunu marru ċertu postijiet bħala holidays imma hemm xi ħaġa ngħidula West Nile Virus li bħalissa ma nħalluhomx jagħtu d-demm minħabba fih imma b’dan it-tagħmir inkunu nistgħu nittestjaw.”
Għall-ewwel darba – grazzi għal dan l-apparat – persuni omosesswali wkoll se jkunu jistgħu jagħtu d-demm, ġaladarba ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ rġiel oħra għal ammont ta’ xhur.
Borg Aquilina qalet li“Bħalissa it’s a statement li dawn in-nies ma jkunux jistgħu jagħtu d-demm. B’dan it-tagħmir peress li huwa aktar sensittiv xorta jkun hemm ċertu terms and conditions imma jkunu jistgħu jagħtu d-demm għax nafu li nistgħu naqbdu l-affarijiet iktar malajr.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fakkar li b’dan l-investiment se titwettaq wegħda elettorali oħra tal-Gvern.
Fearne spjega kif “B’dan l-apparat li qed indaħħlu li issa l-kuntratt ġie aġġudikat u li aktar tard din is-sena ħa jsir it-taħriġ fuqu u jibda jintuża, ħa nwessgħu n-nies li jistgħu jagħtu d-demm. Iktar nies ħa jkunu jistgħu jsiru donaturi tad-demm inkluż nies li jkunu f’ċertu pajjiżi, irġiel li jkollhom relazzjoni sesswali ma’ rġiel oħra anki wara ftit xhur, u dan ifisser li ħa jkollna aktar availability ta’ demm imma wkoll dak li jkun ħa jkun jista’ jagħti d-demm.”
Intant, fl-aħħar għaxart ijiem, minkejja l-maltemp kbir li ħakem lil pajjiżna, aktar minn disgħa mija u tmenin persuna wieġbu għas-sejħiet li saru mill-Bank tad-Demm.
Iżda minkejja dan, ir-riserva baxxa ta’ demm tat-tip O-Positive għadha qed tippersisti.
Għaldaqstant il-Bank tad-Demm appella għal aktar donazzjonijiet tad-demm, speċjalment tat-tip O-Positive.