Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bl-ewwel fażi ta’ proġett estensiv sabiex tkabbar is-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa biex din tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur għar-residenti f’din il-lokalità.
Il-Korporazzjoni spjegat li dan huwa biss wieħed minn fost erba’ proġetti ewlenin li qed tagħmel madwar il-pajjiż biex issaħħaħ l-infrastruttura tad-drenaġġ, b’investiment totali li mistenni jaqbeż is-€7.5 miljun.
Ix-xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-proġett f’Birżebbuġa, b’investiment ta’ €300,000, jinkludu katusi ġodda tad-drenaġġ fi Triq taż-Żibra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Karl Cilia, spjega li fit-tieni fażi tal-proġett, bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Korporazzjoni qed tippjana li tinstalla katusi kbar ġodda taħt l-art max-xatt fi Triq San Patrizju, li tibqa’ sejra sal-inħawi tal-Port Ħieles.
Dawn il-katusi mhux biss se jsaħħu s-servizzi tad-drenaġġ f’ħafna toroq residenzjali tal-madwar, iżda se jeliminaw ukoll l-isfida li ilha snin tiffaċċja l-Korporazzjoni, minħabba li l-ilma baħar qed jiskula fil-katusi antiki f’din iż-żona u jżid il-pressjoni fuq is-sistema tad-drenaġġ.
Fl-aħħar nett, b’dan il-proġett se jkun aktar faċli li d-drenaġġ jitwassal fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat, biex jiġi trattat u jinbidel f’ilma tajjeb għat-tisqija.
Il-Kap Eżekuttiv stqarr, “wara s-Sajf qed naraw li titkompla t-tieni fażi, bi proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Il-proġett se jkun il-proġett ta’ Pretty Bay, fejn qed naraw li se jkunu qed jinbidlu l-mejnijiet prinċipali tad-drenaġġ tagħna li jagħti għall-impjant Ta’ Barkat tagħna, li ma jkunx hemm introjtu ta’ ilma baħar fis-sistema tad-drenaġġ tagħna. Ovvjament, dan huwa inkonvenjent meta jiġi għat-trattat fl-impjant tagħna.”
Waqt żjara lill-ħaddiema li għaddejjin b’dawn ix-xogħlijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża Miriam Dalli, spjegat li b’dawn ix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni qed iżżid il-kapaċità tas-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa.
Il-Ministru Dalli rrimarkat, “Qed naraw li għandna ċerti lokalitajiet fejn il-popolazzjoni qed tikber. Allura rridu nilqgħu għal dik id-domanda. Hawnhekk, f’Birzebbuġa, qed naraw li permezz ta’ dan il-proġett, pereżempju, inkabbru l-kapaċità b’40 fil-mija, però fl-istess ħin naraw li nindirizzaw sfidi li jkunu jeżistu minn lokalità għal oħra.”
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li x-xogħol f’Birżebbuġa jingħaqad ma’ xogħlijiet oħrajn li l-Korporazzjoni qed tagħmel f’lokalitajiet oħrajn. Max-Xatt ta’ Ta’ Xbiex qed twettaq proġett ta’ madwar €1 miljun ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea biex tinstalla sistema ġdida tad-drenaġġ u ttaffi l-problemi li din iż-żona kien ilha tiffaċċja minħabba l-infrastruttura qadima li kien hemm qabel.
Xogħlijiet oħrajn għaddejjin f’Ħal Qormi u l-Marsa, fejn il-Korporazzjoni qed tqiegħed medda ta’ katusi ġodda f’tul ta’ 1.6 kilometri, biex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda f’dawn l-inħawi u ttejjeb il-flessibilità tas-sistema f’każ ta’ ħsarat jew manutenzjoni.
Proġett ieħor b’investiment ta’ €2.7 miljun li għaddej bħalissa fl-inħawi tan-Naxxar u s-Salini se jwassal biex il-Korporazzjoni tibdel 3.6 kilometri oħra ta’ katusi tad-drenaġġ.