Dan hu investiment bżonnjuż li mistenni jnaqqas il-kriminalità minn fost il-familji ta’ priġunieri. Kliem it-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi ftit jiem wara li l-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl ħabbar investiment li se jgħin lill-priġunieri u l-familthom.
“Bħala investiment ovvjament huwa wieħed mill-aħjar u huwa wieħed li juri direzzjoni wkoll illi affarijiet li ilhom li bdew u dan huwa another step in the right direction fis-sens li se nestendu l-għajnuna mhux biss il-priġunieri u r-riforma iżda wkoll nibdew ninkludu anke l-għajnuna lill-familja u t-tfal.”
Studji juru li wieħed minn kull tlett priġunieri għandu membru tal-familja li wkoll huwa priġunier. Saħansitra hemm każijiet li ħames ġenerazzjonijiet minn familja waħda skontaw sentenzi fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.
It-Terapista tefa’ dawl fuq waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex sal-lum il-ġurnata dawn ma kienux ifittxu għajnuna.
“Din hija għajnuna importanti ħafna għaliex mir-riċerka li għamilna fit-2016 skoprejna li ħadd minn dawn ma kien qed jirċievi l-ebda forma jew oħra ta’ għajnuna u l-maġġor parti tan-nies meta saqsejnihom għaliex, l-ikbar kumment popolari kien għaliex nistħu immorru nitolbu l-għajnuna u żżommhom lura.”
Azzopardi flimkien ma’ tim ta’ professjonisti oħra se jkunu qed iwettqu diversi sessjonijiet ta’ terapija, sessjonijiet edukattivi u anke dawk psikoterapiċi kemm mal-priġunieri u anke l-familji tagħhom. B’dan mistennija tonqos il-probabbilità li persuna terġa’ tagħmel reat u anke li tonqos l-esklużjoni soċjali ta’ dawn il-familji.