Il-ftehim kollettiv li dieħel fis-seħħ minn din is-sena għall-edukaturi huwa investiment bla preċedent f’dawk li jridu jieħdu ħsieb it-tagħlim tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Kif spjegat fid-dokument li rċivew b’email l-għalliema lbieraħ, il-bidliet mhumiex limitati biss għal dawk finanzjarji, anke jekk huma dawk l-iktar li jagħmlu ħoss. Dawn huma wħud mill-bidliet li se jkunu qed jaraw l-edukaturi.
- €6,000 fis-sena aktar fil-but wara 5 snin
- €2,000 oħra fis-sena għal min ilu jaħdem 20 sena
- Min jitħarreġ jieħu iktar f’iqsar żmien
- Oħrajn issa telgħu wkoll fl-iskala
- Dan il-ftehim mhux biss dwar il-flus
Hemm ukoll żieda f’dak li hu msejjaħ ‘special leave’, it-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena u l-introduzzjoni ta’ għadd ta’ allowances minn fejn joħorġu l-ikbar żidiet. Fost l-iktar li spikkat għal dawk li kienu qed jaraw dawn iċ-ċifri għall-ewwel darba kien hemm l-€2,000 allowance għal dawk li ilhom iktar minn 20 sena fit-tagħlim. Mistoqsi jekk dan hux allowance ta’ darba jew li se jingħata ta’ kull sena, il-President tal-MUT, Marco Bonnici kien ċar. Spjega x’inhu l-iskop warajh.
“Dak jitħallas kull sena. X’ridna nagħmlu b’dan l-agreement? Ridna li nagħtu inċentiv għal min qed iħares li jidħol fil-professjoni. Iżda nirrikonoxxu wkoll lil min ilu hemm. Dan ifisser li min kien ilu hemm 20 sena u weħel għalkollox bis-salarju li kellu, issa minbarra ż-żidiet li ħa kulħadd, se jieħu wkoll dawn l-€2,000. Li tajjeb nispjegaw li min ilu 15-il sena jibda jeħodhom ukoll meta jkun ilu 20 sena, u tibqa’ sejra hekk,” spjega Bonnici.
Minn naħa l-oħra min se jgħallem ħames snin oħra mhux se jibda bi €23,230 fis-sena, iżda se jibda b’€29,337 fis-sena. Naturalment, iż-żidiet jirriflettu l-iskali u waħda mill-innovazzjonijiet ta’ dan il-ftehim kollettiv hi li se jiddaħħlu miżuri fejn iktar ma’ għalliem jitħarreġ, b’mod volontarju, iktar ikollu ċans javvanza fl-iskali. Żidiet b’saħħithom ħaduhom ukoll l-Assistenti Kapijiet u l-Kapijiet tal-iskejjel b’mod li jkun rikonoxxut l-impenn li għandhom jagħtu f’istituzzjoni edukattiva llum il-ġurnata.
Is-sitwazzjoni tal-LSAs
Dak li sal-lum konna nafuh bħala Learning Support Assistant issa se jkun Learning Support Educator. Qabel kien hemm żewġ kategoriji u issa hemm it-tielet kategorija li dik se tasal sa skala disgħa tas-servizz pubbliku.
“Jekk inħarsu lejn l-allowances ta’ LSA li huwa l-inqas livell se jieħdu €1,480 f’allowances sal-2022. Għandhom work resources fejn huwa €500,” spjega Bonnici li fisser kif imbagħad hemm allowances addizzjonali oħra għal min jaħdem f’resource centre jew learning centre. Dawk se jkollhom allowance speċifiku għalihom,” spjega Bonnici li fakkar kif ma’ dawn wieħed irid jiftakar li hemm żieda fil-paga tal-ftehim kollettiv.
Min se jkun fil-grad LSE 3 li hu l-ogħla grad, il-class allowance hu €1,950 u miegħu hemm l-allowance tar-riżorsi fejn il-massimu hu €650. Bonnici spjega li tal-LSAs huwa identiku għal Kindergarten Educators li sal-lum kienu magħrufa Kindergarten Assitants.