Il-Ministeru għall-Ġustizzja jinnota l-istqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, l-għada li l-istess Korp tal-Ġudikatura kompla jissaħħaħ bil-ħatra ta’ tliet imħallfin ġodda u li tikkonċidi wkoll mal-għeluq ta’ proċess ta’ sejħa pubblika, li għandha twassal għal ħatra ta’ ħames maġistrati ġodda.
Il-fatt huwa li għal sena oħra l-Ministeru għall-Ġustizzja kompla jara żieda fl-allokazzjoni tal-baġit u dan bil-għan li tkompli tkun sostnuta l-ħidma tiegħu lejn ġustizzja effiċjenti. Din il-ħidma mhux biss tinkludi riformi leġiżlattivi, imma wkoll investiment fl-infrastruttura fiżika u diġitali u fir-riżorsi umani, fejn illum mhux biss għandna l-akbar korp tal-ġudikatura fl-istorja, imma wkoll l-akbar numru ta’ ħaddiema fi ħdan l-aġenzija għas-servizzi tal-Qrati.
L-investiment u x-xogħol li qed jitwettaq fuq l-ispazju fiżiku mhuwiex limitat għall-interventi fil-binja eżistenti tal-Qorti, imma huwa estiż anke fuq binjiet oħra li se jkunu qed iservu għal dan l-iskop, inkluż kif diġà ġie mħabbar binja ġdida għal eventwali Qorti Kummerċjali. L-istess kif diġà ġie mħabbar, fi żmien li ġej se jinħarġu wkoll tenders pubbliċi għal xogħol fuq binja oħra ġdida li għandha tospita fiha numru ta’ awli kriminali.
Madanakollu, il-Gvern jemmen li din mhijiex kwistjoni biss ta’ spazji ġodda, imma wkoll ta’ amministrazzjoni aktar effikaċi, b’tali mod li b’differenza mil-lum ma jkollokx ħin twil ta’ inattività fl-Awli eżistenti. Dan ma jiddependix biss fuq l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, imma tinħtieġ koperazzjoni minn kulħadd biex l-awli jsir użu minnhom matul il-jum sħiħ u fil-ġranet tal-ġimgħa kollha.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja jinnota wkoll kif is-sena li għaddiet sar l-ewwel ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Qrati u jħares ’il quddiem biex fi żmien li ġej jkompli jara li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet mhux biss tal-ħaddiema tal-Qorti, imma ta’ dawk kollha involuti fis-settur tal-ġustizzja.
Fil-fatt, bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura għaddejjin diskussjonijiet fuq diversi temi, inkluż il-kundizzjonijiet tal-istess membri tal-Ġudikatura.