Waħda mill-ikbar sfidi li dan il-Gvern, fl-aħħar erba’ snin dawwar f’opportunita’ hija l-qasam tas-sigurta’ tal-pajjiż, li hija ta’ prijorita assoluta għall-gvern.
Waqt is-sessjoni Gvern li Jisma’ il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Carmelo Abela, saħaq li huwa xogħol il-gvern li minn wara l-kwinti jara li l-pajjiż ma jkollux theddid terroristiku jew theddid ta’ kriminalita organizzata.
Għal dan il-għan sar investiment multi-miljunarju fil-forzi armati ta’ Malta fl-oqsma tas-sorveljanza mill-ajru, mill-baħar u anka mill-art.
B’ rabta ma’ dan, huwa l-investiment t’erbatax-il miljun ewro, ko-finanzjat minn Fondi Ewropej li se jara l-wasla tal-Ajruplan King Air li se jingħaqad mal-flotta tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
Investiment li qed jgħin lis-suldati jaqdu b’iktar effiċjenza d-dmirijiet tagħhom permezz t’iktar tagħmir modern, iżda wkoll permezz ta’ taħriġ li żviluppa l-ħiliet militari tagħhom u li għalih kienu allokati irduppjati l-fondi allokati.
Hawnhekk Abela fakkar kif l-Armata għamlet reviżjoni dettaljata sabiex suldat ikollu t-taħriġ neċessarju pprogrammat mill-ewwel ġurnata sakemm jirtira.
Il-Ministru fakkar kif bit-tir li tissokta l-ħidma għall-imodernizzar tal-armata kienet meħtieġa strateġija ħolistika għaż-żmien li ġej.
Mis-sessjoni ħareġ ċar kif il-Ministeru tul din il-leġislatur investa b’mod partikolari fir-rizors uman f’ kull korp dixxiplinat. Mhux biss permezz tal-għoti tad-dritt li jingħaqdu f’ unjin u li qed tħalli l-frott meħtieġa iżda anka billi jieħdu dak li ħaqqhom, bħal ħlas għall-overtime.
L-istess sar lis-suldati li ħadmu ‘l fuq minn tmienja u erbgħin siegħa tul il-Presidenza u li se jitħallsu l-overtime.
Bit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ kontinwu u reklutaġġ li jneħħi l-pressjoni żejda fuq il-korpi dixxiplinati, l-għan li pajjiżna jkun wieħed sigur qed jintlaħaq stqarr il-Ministru Abela.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li l-Ministeru jagħmel ħafna xogħol li ma jistax jiġi kwantifikat; u li jżomm il-kuntatt diplomatiku ħaj ma’ pajjiżi oħra biex ikun hemm lok għal aktar investiment u kummerċ fil-futur qarib.