Wara xhur ta’ negozjati l-Gvern u l-kumpanija Marsa Race Track Ltd waslu għal ftehim iniżjali li se jara r-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel tal-aqwa livell, pitch tal-polo u kif ukoll faċilità għall-dressage u show jumping.
Proġett li l-kumpanija privata se tinvesti tmintax-il miljun ewro biex isir realtà u li se jwassal biex pajjiżna jkollu faċilitajiet state of the art.
L-iżvilupp se jinkludi wkoll grand stand armat bil-faċilitajiet kollha mitluba mid-delettanti, club houses għal Malta Racing Club, għal Malta Polo Club u għal Malta Equestrian Federation filwaqt li se tinbena paddock area li takkomoda l-kompetituri kollha u faċilitajiet relatati.
B’dan l-investiment il-korsa tal-Marsa ser issir post għall-familja kollha mhux biss għal ftit nies delettanti tat-tiġrijiet. Dan għaliex il-post se jinkludi wkoll picnic areas għall-familji, swimming pools, stallel u faċilitajiet minn fejn wieħed jista’ jara t-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan filwaqt li l-membership se tkun miftuħa għall-Maltin kollha li jixtiequ jipprattikaw jew isegwu dan l-isport.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif dan l-investiment kellu jsir fl-2011 iżda dak iż-żmien l-ebda investitur ma wera interess, iżda issa il-klima ekonomika f’pajjiżna qed jattiraw l-investiment meħtieġ.
“B’dan l-investiment ta’ €18-il miljun mifrux fuq erba’ snin mhux biss se nkunu qed nitilgħu tarġa ‘il fuq fil-kwalità u fil-livell tal-faċilitajiet sportivi, iżda se nitilgħu tarġa oħra ‘il fuq għar-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel ta’ Malta, b’mod partikolari l-Marsa. B’dan l-investiment massiċċ ser tiġi riġenerata l-korsa tal-Marsa, li għal bosta żmien tħalliet abbandunata. Dan filwaqt li ser jiġu garantiti x-xogħlijiet kollha eżistenti u ser jinħolqu opportunitajiet ġodda,” qal dan il-Prim Ministru.
Muscat stqarr li l-investituri ta’ dan il-proġett ikalkulaw li fl-ewwel sena mit-tlestija, jiġu mas-60,000 viżitatur Malti u barrani fis-sena, li jitilgħu sa 90,000 viżitatur sal-ħames sena li jibda’ jopera dan il-proġett.
Il-Prim Ministru kompla billi qal li “għalhekk qed nitkellmu li din l-korsa tal-Marsa ser issir żona oħra fejn jiżdied it-turiżmu fin-naħa t’isfel ta’ Malta u tip ta’ turiżmu li jegħleb ukoll l-isfida tal-istaġjonalità, għax it-tiġrijiet taż-żwiemel, propjament jonqsu fis-Sajf u jiżdiedu aktar meta t-temp ma jkunx sħun, filfatt it-tiġrijiet fis-sajf isiru filgħaxijiet. It-tip ta’ turisti li jattira dan it-tip ta’ sport huma turisti ta’ kwalità li jużaw servizzi oħra anċillari li jinfirxu ma’ pajjiżna kollu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-isport, Chris Agius, sostna li minkejja li l-użu ewlieni tal-faċilità se jkun għat-tiġrijiet taż-żwiemel, l-logħob tal-polo u kif ukoll sport ieħor ekwestarju, il-Marsa Racing Club se jibqgħu jieħdu ħsieb l-organizzazzjonijiet tat-tiġrijiet.
Agius qal li “aħna konxji kemm jonfqu flus id-delettanti ta’ dan l-isport u allura ridna li dawn jingħataw l-aqwa opportunità sabiex l-isport li tant iħobbu mhux biss jikber, iżda jkun f’ambjent aħjar u aktar attraenti.”
Irridu naraw dan l-iżvilupp għaliex nemmnu fil-potenzjal li għandu dan l-isport, li f’pajjiżna jgawdi ħafna popolarità, stqarr Agius, u bil-livell li għandu jintlaħaq b’ dan l-iżvilupp pajjiżna se jsir ukoll lok li jiġbed kompetituri internazzjonali.