B’investiment ta’ €120,000 fuq tliet snin, SportMalta se tiffinanzja l-ispejjeż biex tissaħħan il-pixxina tal-waterpolo tal-klabb tan-Neptunes.
Dan l-investiment se jwassal biex il-pixxina tissaħħan bejn Ottubru u Diċembru, u bejn Marzu u Mejju.
Il-pixxina mhux se tissaħħan f’Jannar u Frar minħabba li f’dan iż-żmien tkun milquta sew mill-maltemp. F’dan il-perjodu, il-plejers jistgħu jitħarrġu fil-pixxina nazzjonali bl-istess rata bħal klabbs lokali oħra.
Il-President ta’ Neptunes, Matthew Bonello, saħaq li dan il-ftehim se jkompli jgħin lill-klabb biex itaffi mill-ispejjeż.
Huwa qal, “Fix-xhur tax-xitwa, naturalment, il-pixxina tkun trid tiġi msaħħna li tinvolvi spejjeż kbira u bis-saħħa ta’ dan l-agreement, ħa nkunu nistgħu għat-tliet snin li ġejjin insaħħnu l-pixxina tagħna għall-benefiċċju tal-atleti kollha tagħna u ta’ klabbs oħrajn.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil tenna kif dan l-investiment mhux iżolat.
Huwa stqarr: “Meta bdejna bit-tmexxija ta’ SportMalta, aħna ridna li nibdew naħdmu mal-klabbs biex ir-riżorsi kollha li hawn fil-pajjiż f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sport, nużawhom bl-aħjar mod.”
Waqt żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal kif b’dan il-ftehim, qed jiġi sfruttat il-potenzjal tal-faċilitajiet tal-għaqdiet sportivi.
Huwa sostna: “Irrid ngħid li qegħdin immorru fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex u niffirmaw ftehimiet mal-għaqdiet sportivi lokali li permezz tagħhom inkunu nistgħu nużaw il-faċilitajiet ta’ dawn l-għaqdiet u dan kollu għat-tgawdija tal-familji Maltin u Għawdxin kollu.”