Waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, il-Ministru Anton Refalo qal li kienet sena ferm impenjattiva għal dan il-Ministeru. Spjega li minkejja d-diversi sfidi li ġabet magħha l-pandemija, il-Gvern irnexxielu jsalva is-settur vulnerabbli tal-agrikultura.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-agrikultura ilha taffaċja sfidi minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema ġodda. Għalhekk, il-Gvern investa f’diversi skemi biex iħajru ħaddiema żgħażagħ fost l-oħrajn.
Evidenza ċara tal-ispalla li qed jagħti l-Gvern hija ż-żieda sostanzjali ta’ tmienja u tletin fil-mija f’allokazzjoni ta’ fondi Ewropej fil-qasam tal-Agrikoltura.
Fost il-miżuri diskussi waqt l-estimi finanzjarji, spikka l-użu tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza fl-agrikultura. Dan permezz tal-AgriHub, pjattaforma li tappoġja s-settur agrikolu permezz ta’ riċerka.
Il-Ministru għall-Agrikultura ħabbar ukoll il-proġett ta’ bank ġenetiku għall-pjanti indiġeni Maltin, sabiex jiġu kkonservati dawn il-pjanti, kif ukoll ċentru ġdid għall-akwakultura biex jieħu post it-Torri ta’ San Luċjan.
Apparti minn dawn il-proġetti, il-Ministru Refalo ħabbar li ġew approvati fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex jiġu kkompensati l-bdiewa għall-ħsara li ġarrbu fl-għelieqi tagħhom b’kawża tal-maltemp fi Frar tal-2019.
Qal kif, “Il-pandemija tal-Covid-19 urietna kemm is-settur tal-biedja u s-sajd huma mportanti għal pajjiżna. Dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal li dawn is-setturi jibqgħu ikunu ħolqa ekonomika kruċjali u għalħekk il-politika tagħna se tkun mibnija fuq l-innovazzjoni li nagħmlu dan is-settur aktar sostenibbli u li nattira nies ġodda sabiex jidħlu għal dawn l-intrapriżi.”