B’investiment ta’ €60,000 mill-Programm ta’ Ċittadinanza, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta se jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità. Permezz ta’ dan l-investiment se jinxtraw 10 roti elettriċi kif ukoll se jitranġaw żewġ binjiet fil-Fgura u Furjana biex il-Pulizija jibdew ħidma f’dawn il-lokalitajiet, b’parti mill-programm ta’ Pulizija fil-Komunità.
F’konferenza tal-Aħbarijiet fil-Foss tal-Imdina ġie mħabbar ukoll li l-proġett tal-Pulizija se jiġi ntrodott ukoll fi ħdax-il lokalita oħra. Dawn huma Marsaxlokk, Birżebbuġa, Pembroke, Swieqi, Fgura, Rabat, Dingli, Mtarfa, Mdina, Floriana u Valletta.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal kif dan l-investiment se jkompli jara li l-poplu jkun sigur barra minn daru fil-lokalitajiet. Il-Ministru għas-Sigurta Nazzjonali Byron Camilleri qal li r-residenti se jaraw issa l-Pulizija f’kull raħal f’Malta u f’Għawdex jagħmlu aktar patrols kemm bil-mixi u anke rota fil-ħdax-il lokalità.
Saħaq li l-preżenza tal-Pulizija huwa importanti għaliex huma l-ewwel referenza għal dawk fil-bżonn. Tenna li jrid ikun hemm kollaborazzjoni sħiħa ma’ kullħadd li jaħdem jew jgħix f’dan ir-raħal. Qal kif fi ftit żmien ieħor se nkunu qed naraw aktar lokalitajiet li se jgawdu minn dan il-proġett ta’ Pulizija fil-Komunità.