Investigazzjonijiet intensivi u tfittxijiet bla waqfien mill-Pulizija wasslu biex instabet il-karozza li allegatament kienet involuta f’inċident ġimagħtejn fi Triq l-Imdina, Birkirkara.
F’dan l-inċident, Finlandiż ta’ 41 sena allegatament intlaqat minn vettura li telqet minn fuq il-post.
Il-vettura, tal-għamla Toyota Belta tal-lewn abjad, instabet mill-Pulizija fejn fuqha ġew innotati daqqiet kompatibbli mal-inċident imsemmi.
Il-vettura tinsab f’idejn il-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet, waqt li għadha għaddejja tfittxija għall-allegat sewwieq.
Intant, il-kundizzjoni tal-vittma qalbet għall-aħjar, hekk kif dakinhar tal-inċident kien ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt, u ġie rilaxxat mill-isptar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.