Investigazzjonijiet imwettqa mill-Pulizija fl-aħħar xhur ikkonfermaw fake news oħra tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, li kienet allegat li kien hemm liċenzji tas-sewqan li kienu qed jinbiegħu illegalment f’isem Transport Malta permezz ta’ paġna fuq il-midja soċjali.
Dan irrappurtatu t-Times of Malta, li f’artiklu ppubblikat kitbet kif l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżultaw kif dak allegat mill-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, kien fil-fatt scam online.
F’kitba fuq Facebook, il-Ministru responsabbli mill-entità Transport Malta, Aaron Farrugia kiteb kif il-messaġġi tal-WhatsApp u l-iscreenshots li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali u li ġew ippubblikati mill-midja Nazzjonalista, kienu fil-fatt foloz u scams, b’IP Address mill-Kamerun. Qal ukoll li ħadd ma waqa’ fin-nassa li bagħtilhom xi flus u baqa’ b’xejn.
Il-fake news tal-midja tal-PN rikeb fuqha u saħansitra xerridha l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Adrian Delia.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministru Aaron Farrugia kiteb kif minflok ħalla l-investigazzjonijiet isiru, ħareġ jiġri jgħajjar lill-ħaddiema ta’ Transport Malta kriminali. Żied jgħid li Delia għandu jiskuża ruħu man-nies li kompla jallarmahom bla bżonn, u mal-ħaddiema li ta’ kuljum jagħtu servizz lill-pajjiż.
“Jekk ma jagħmilx hekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu jitolbu jagħmel dan”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.