Il-Pulizija tal-Vatikan għamlu raid fl-uffiċji tas-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan u l-Awtorità tal-Infromazzjoni Finanzjarja tagħha, l-AIF. Matul il-jum tat-Tlieta il-pulizija elevaw dokumenti u apparat elettroniku bħala parti mill-investigazzjoni li għaddejja bħalissa dwar is-suspett ta’ irregolaritajiet finanzjarji. Huwa maħsub li din hija l-ewwel darba li ż-żewġ dipartimenti qed issirilhom tfittxija għal provi li jinvolvu allegat reati finanzjarji.
Il-Vatikan ma ta l-ebda dettalji ħlief li din l-operazzjoni ssegwi ilmenti dwar operazzjonijiet finanzjarji mressqa mill-bank tal-Vatikan u l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali. Sors mill-Vatikan jemmen li dawn l-investigazzjonijiet għandhom x’jaqsmu ma’ transizzjonijiet ta’ bini.
Minn mindu ġie elett, il-Papa Franġisku fl-2013, il-Vatikan għamel passi ta’ ġgant biex inaddaf ir-reputazzjoni finanzjarja ħażina tiegħu. F’Mejju li għadda, l-AIF, qal li r-rapport ta’ attività finanzjarja suspettuża fil-Vatikan laħqu l-inqas livelli fl-aħħar sitt snin, indikazzjoni li r-riformi li saru ħallew impatt pożittiv. Fl-2017, l-Italja poġġiet il-Vatikan fuq il-lista ta’ stati li għandhom istituzzjonijiet finanzjarji kooperattivi, dan wara diversi snin ta’ sfiduċja. Fl-istess sena il-korp ta’ moniteraġġ finanzjarju tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Moneyval, evalwaw b’mod pożittiv ir-riformi finanzjarji tal-Vatikan.