L-investigaturi Amerikani qed jaħdmu biex jiddeterminaw il-kawża tat-tiġrif tal-ħelikopter f’Kalifornja l-Ħadd li ħalla mejta l-persuni kollha abbord, inkluż l-istilla tal-basketball Kobe Bryant.
Id-disa’ passiġġieri li kien hemm fuq il-ħelikopter mietu kollha, fosthom bint Bryant ta’ 13-il sena.
L-investigaturi mistennija jiffukaw l-investigazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet tat-temp li kien imċajpar meta seħħ il-każ, u l-possibilità ta’ problemi mekkaniċi.
Bryant kien ikkunsidrat fost l-aqwa plejers fl-istorja tal-basketball, u kienu bosta partitarji, plejers u personalitajiet minn madwar id-dinja li esprimew id-dieqa tagħhom għal din id-diżgrazzja.
Intant il-ħaddiema ta’ Washington Post ikkundannaw lill-gazzetta wara li ssospendiet ġurnalista dwar tweets li tellgħu fuq Bryant.
Il-ġurnalista Felicia Sonmez tellgħet artiklu ppubblikat 4 snin ilu dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali kontra l-leġenda tal-basketball Kobe Bryant. B’reazzjoni, il-ġurnalista spiċċa mhedda b’ħajjitha u kellha tneħħi l-artiklu li xerrdet fuq il-profil tagħha ta’ twitter.