Bord ta’ investigazzjoni li nħatar mill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali kkonkluda li ma nkisru l-ebda drittijiet ta’ Mario Portelli u li l-Pulizija aġixxew skont il-liġi tas-Saħħa Mentali.
Dan joħorġ minn tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tal-whip tal-Gvern Byron Camilleri li staqsa lid-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar l-investigazzjonijiet li saru fuq il-każ ta’ Portelli.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Fearne ma ppubblikax ir-rapport sħiħ minħabba li fh dettalji mediċi u personali ta’ Portelli. Madankollu ppubblika kelma b’kelma l-konklużjoni tal-investigazzjoni li saret li fiha jingħad li ma nkisru l-ebda drittijiet ta’ Portelli.
“Wara li ħa inkonsiderazzjoni l-evidenza kollha, il-Bord ma jqisx li nkissru d-drittijiet tas-Sur Portelli bħala pazjent tas-saħħa mentali matul il-perjodu indikat għall-investigazzjoni”, ikkonkluda r-rapport investigattiv.
Żied jingħad li l-Pulizija aġixxew skont il-Liġi tas-Saħħa Mentali. Spjega li Portelli ddaħħal l-isptar wara li ġie eżaminat fl-Isptar Mater Dei u wara li reġa’ ġie eżaminat għat-tieni darba minn speċjalista fl-Isptar Monte Carmeli fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.
Portelli kien iddaħħal l-isptar wara li xandar b’mod dirett il-mument li l-Pulizija ntalbet tintervjeni minn missieru li rapportah lill-Pulizija għax ma kienx ħa l-kura neċessarja.