Ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġi mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali fil-konfront tal-klieb li traqqdu bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena minħabba allegatament imġiba aggressiva severa tal-klieb.
Dan ħareġ minn investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fuq talba tal-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali f’Awwissu li għadda.
Liema rapport investigattiv qed jiġi ppubblikat mill-istess Kummissjoni.
Intant, peress li dan ir-rapport qed ikun ippubblikat għall-pubbliku, l-ismijiet tax-xhieda ġew imneħħija sabiex jiġu protetti l-identitajiet ta’ dawk li kkontribwew f’din l-investigazzjoni u biex jiġi evitat diskors mhux xieraq, b’mod speċjali fuq il-midja soċjali, fil-konfront ta’ dawn il-persuni.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, qal li l-Kunsill tal-Kirurgi Vetenirarji intalab wkoll sabiex jinvestiga lill-Kirurgu Veterinarju tad-Direttorat.
Fil-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill ma sab ebda prattika jew kondotta ħażina jew ksur ta’ etika mill-kirurgu veterinarju inkwistjoni skont il-liġi dwar proċeduri standard għall-operat.
L-investigazzjoni eżaminat ukoll l-opinjoni pubblika u anke kkonsultat ma’ esperti fil-qasam li taw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-aħjar prattiki.
Intant, ir-rapport wera li fix-xhur li għaddew sar titjib sinifikanti filwaqt li rrimarka li d-Direttorat għandu nuqqas ta’ riżorsi umani; għalhekk ikkonkluda li biex ikompli jsir it-titjib li sar, hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema fost riżorsi oħra.