Fil-jiem li ġejjin mistenni joħroġ l-eżitu tal-investigazzjoni interna li wettqet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA fuq l-eks kowċ tat-tim nazzjonali tal-futbol, Devis Mangia.
Żvela dan il-President tal-MFA Bjorn Vassallo f’kummenti li ta fuq dan l-istazzjon waqt il-programm ‘L-Argument’ ippreżentat mill-ġurnalist sportiv Clinton Buhagiar il-Ħadd filgħaxija.
“Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ikun magħruf jekk dak allegat fuq Mangia huwiex minnu jew le”, qal Vassallo fuq ONE hekk kif mingħajr preġudizzju fuq il-każ spjega kif hu jinsab iddiżappuntat kif wara wirjiet pożittivi tat-tim nazzjonali, feġġ dan il-każ li wassal biex l-ewwel Mangia ġie sospiż iżda mbagħad irriżenja.
Devis Mangia allegatament iffastidja żewġ plejers tat-tim nazzjonali Malti u bord tal-MFA għandu jiddeċiedi hemmx evidenza jew le kontra l-kowċ Taljan.
Mangia kien ċaħad l-allegazzjonijiet kontrih permezz ta’ stqarrija li kienu bagħtu l-avukati tiegħu u l-MFA ma kinitx ħadet hi l-każ ta’ Mangia għand il-pulizija.
Mangia kien affaċċja wkoll akkużi ta’ fastidju sesswali minn persuni fir-Rumanija, il-pajjiż li fih Mangia kien kowċ ta’ klabb ieħor tal-futbol.
Intant Bjorn Vassallo qal li t-tim nazzjonali jista’ jkompli bir-ritmu li qabad taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid, Taljan ukoll, Michele Marcolini.