Il-każ skandaluż tal-esproprazzjoni tal-art tal-Fekruna jinsab taħt il-lenti tal-Pulizija minħabba l-mod li bih ingħatat l-art pubblika lil persuna erbt ijiem biss qabel l-elezzjoni tal-2013.
Dan żvelatu It-Torċa, fejn spjegat kif il-Pulizija ilha ġimgħat sħaħ tinvestiga l-mod kif saret l-esproprazzjoni, u tpartit tal-art taħt ir-responsabittà tal-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Filfatt saħansitra r-rapport tal-Awditur Ġenerali tefa’ dubji kbar dwar kif sar dan il-ftehim skandaluż propju ftit qabel il-Partit Nazzjonalista niżel mill-Gvern, bil-konsegwenza li l-pajjiż tilef mal-miljun ewro. Fost l-affarijiet li qed jiġu investigati mill-Pulizija hemm konnessjonijiet relatati mat-trasferiment tal-art u saħansitra allegat traċċi ta’ flus li setgħu għaddew.
Jason Azzopardi, li dakinhar kien il-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet mistenni jkun parti mill-investigazzjoni kriminali. Bħalissa l-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ukoll qed jistħarreġ il-mod kif sar dan it-trasferiment tal-art.
Filfatt fl-aħħar jiem xehed taħt ġurament is-sid Raymond Vella, li għal ħafna drabi wieġeb ma jafx u deher skomdu ħafna għad-domandi li sarulu. F’ħin minnhom meta mistoqsi għamilx l-accounts tal-kumpanija Fekruna Limited, kellu anki jintervjeni l-avukat tiegħu sabiex ma jinkriminax lilu nnifsu.
Din id-dikjarazzjoni kompliet tiġbed l-attenzjoni tal-Pulizija filwaqt li għal dan kollu spikka s-skiet li jtarrax min-naħa ta’ Jason Azzopardi.