Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo talab investigazzjoni interna wara li l-bord tal-protesti tal-MFA ġibed l-attenzjoni dwar nuqqasijiet li kien hemm fiż-żewġ protesti li tressqu fl-aħħar ġranet, jiġifieri dak imressaq minn Hibernians kontra Hamrun Spartans u dak imressaq minn Mosta fil-konfront ta’ Sirens.
F’kommunikat li ħarġet l-istess assoċjazzjoni l-Erbgħa waranofsinhar, qalet li hija tieħu b’serjetà kbira materji ta’ trasparenza u kontabilità filwaqt li tirrispetta l-awtonomija u l-indipendenza tal-bordijiet.
Huwa għalhekk, temm jgħid l-istess kommunikat, li se tkun qed issir investigazzjoni interna fi ħdan id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Plejers sabiex jiġu identifikati l-iżbalji u n-nuqqasijiet jekk eventwalment kien hemm.
L-Assoċjazzjoni appuntat lil Dr Adrian Camilleri sabiex jieħu f’idejh din l-investigazzjoni.
Intant f’stqarrija maħruġa tard l-Erbgħa filgħaxija, il-Malta Premier League laqgħet il-fatt li l-President tal-MFA ordna investigazzjoni interna dwar in-nuqqasijiet amministrattivi li ġew ikkonfermati mill-bord tal-protesti fil-każ tal-logħbiet Hibernians vs Hamrun Spartans u Mosta vs Sirens.
L-MPL tistenna li t-Termini ta’ Referenza ta’ din l-inkjesta jsiru magħrufa u li l-inkjesta ssir mingħajr dewmien. Dan filwaqt li jrid jiġi ċċarat jekk il-każijiet humiex se jiġu referuti xorta lil bord tal-etika.
L-MPL tistenna li l-inkjesta ma ddumx ma tiġi konkluża, idealment mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Frar, tkun pubblikata, tintrefa responsabilta fejn jinstab il-każ, u jingħataw rimedji neċessarji biex ma jkunx affettwat l-eżitu tal-Kampjonat.