Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ordnat li tiskatta investigazzjoni b’rabta ma’ rapporti li tifla ta’ tliet snin intesiet fuq wara ta’ vann b’riżultat li tħalliet numru ta’ sigħat f’garaxx waħedha.
Diversi rapporti qalu li fi tmiem it-tieni ġurnata ta’ skola għal din is-sena skolastika, tifla intesiet fuq wara ta’ vann fit-triq lura mill-iskola primarja tal-Pietà.
Il-ġenituri tat-tifla rrealizzaw li t-tifla tagħhom kienet nieqsa wara li ndunaw li ma tteħditx għas-sessjoni tal-Klabb 3-16 tal-Ħamrun wara l-iskola.
It-tifla ġiet irritornata sigħat wara mingħajr ma allegatament il-ġenituri ngħataw spjegazzjoni.
Il-bord ta’ investigazzjoni huwa magħmul mill-eks Imħallef Philip Sciberras, mis-Sur Josie Brincat, eks Assistent Kummissarju u mis-Sinjura Salvina Muscat, edukatriċi rtirata u eks assistent direttur fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Ittieħdet azzjoni wkoll biex ix-xufier konċernat jitwaqqaf b’mod immedjat milli jaħdem fuq l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti.