Se ssir verifika dwar l-infiq li sar b’rabta mal-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision Song Contest.
Dan se jsir fuq talba tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li huwa politikament responsabbli mill-istazzjon nazzjonali, il-PBS.
Il-verifika ġiet ordnata wara allegazzjonijiet li l-budget allokat għall-parteċipazzjoni Maltija intuża fuq id-diversi djar tal-imħatri biex jintefħu ċ-ċansijiet ta’ Malta li tirbaħ il-Eurovision.
F’dan il-kuntest, Malta għamlet kważi xahrejn l-ewwel fost id-djar tal-imħatri u imbagħad baqgħet f’pożizzjoni kostanti mal-ewwel tliet postijiet.
Ġie rrappurtat ukoll li d-delegazzjoni Maltija setgħet ħallset xi flus lill-bloggers u ġurnalisti barranin biex jimbuttaw il-kanzunetta Maltija.
Destiny ġiet fis-seba’ post fil-finali tal-Eurovision, l-aħjar riżultat għal Malta sa mill-2013 iżda dan xorta nissel diżappunt għaliex kien hemm aspettattiva għolja għall-kanzunetta Maltija fil-Eurovision.
Malta ġiet fit-tielet post mal-ġurija fil-finali iżda ġiet aktar lura fil-klassifika meta fit-televoting, Malta kisbet biss 47 punt.
Fis-semifinali, Malta rebħet dik is-serata wara l-vot tal-ġurija u l-pubbliku.