Investigazzjoni dwar l-għajbien ta’ aktar minn 50,000 tfal immigranti rebħet il-premju tal-ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia mniedi mill-Parlament Ewropew għal din is-sena.
Il-proġett bl-isem ‘Lost In Europe’ huwa investigazzjoni li damet għaddejja xhur minn djar tal-midja fil-Ġermanja, l-Italja, Greċja, l-Olanda, il-Belġju, l-Irlanda u r-Renju Unit immexxija mill-ġurnalist Olandiż Geesje van Haren. F’din l-investigazzjoni ħareġ li mill-2021, kuljum kważi 47 immigranti tfal li jaslu fl-Ewropa jisparixxu.
Van Haren qal li ħafna minn dawn it-tfal huma vittmi tat-traffikar uman jew vittmi tal-operazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea biex trażżan il-kuntrabandu tan-nies hekk kif dawn it-tfal jitwaqqfu fuq il-fruntieri u jiġu arrestati għall-kuntrabandu meta huma jkunu l-vittmi.
Ir-riċerka kixfet ukoll li hemm ħafna nuqqas ta’ dokumentazzjoni u rappurtaġġ bejn 31 pajjiż li jinkludu l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Italja li jista’ jindika li attwalment in-numru ta’ tfal nieqsa huwa akbar.
‘Lost In Europe’ kien beda jinvestiga stejjer ta’ tfal nieqsa jew mitlufa wara kumment li għamel l-ex chief of staff tal-Europol fl-2016 fejn kien qal li aktar minn 10,000 immigrant minuri kienu sparixxew fl-Ewropa.
L-istess tim għandu pjanijiet li jerġa jibda investigazzjoni ġdida fi żmien tliet snin.