L-Awtortajiet tas-Saħħa Pubblika qed jinvestigaw tliet każijiet separati, mhux relatati ta’ ħosba.
Filwaqt li dawn il-każijiet qed jiġu investigati, qed jitteħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha sabiex dawn jibqgħu iżolati. Matul is-sena li għaddiet, kien hemm ħames każijiet separati ta’ ħosba li ġew minn barra filwaqt li kien biss każ wieħed li qabdu l-ħosba f’pajjiżna.
B’hekk hekk kif dak il-każ baqa’ wieħed iżolat, Malta baqgħet konsistenti fil-ġlieda tagħha kontra l-ħosba.
Il-ħosba ġeneralment toħroġ f’pajjiżi li ma jitlaqqmux, kemm fi tfal u anke fost l-adulti. F’Jannar ta’ din is-sena; ir-Rumanija, l-Italja, l-Polonja u Franza kellhom l-ikbar numru ta’ każijiet b’mitejn wieħed u sittin, mija ħamsa u sittin, mija tlieta u tletin u mija u erbgħa u għoxrin rispettivament.
L-azzjoni strateġika tal-Awtorità għas-Saħħa Pubblika għall-ħosba tinkludi t-tilqim, l-identifikazzjoni bikrija tal-każijiet, l-iżolament, il-ġestjoni tal-każijiet, u l-itraċċar tal-kuntatti.
Il-ħosba tista’ tinfirex b’kuntatt minimu fl-arja meta persuna tisgħol jew tgħatas.