F’sentejn u nofs, l-uffiċjali tal-Pulizija li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Cyber Crime, investigaw kważi mitt każ ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal onlajn. Każijiet li jvarjaw minn pussess u tixrid ta’ materjal indiċenti tat-tfal, għal offiżi sesswali.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien hemm tmintax-il każ irrappurtat. Is-sena l-oħra kien hemm tnejn u erbgħin, u ta’ qabel, ħamsa u tletin.
L-Ispettur Timothy Zammit spjega li tradizzjonalment, l-abbuż sesswali kien fiżiku, iżda llum bit-teknoloġija, l-abbuż sesswali fuq it-tfal isir ukoll fuq l-internet.
“Persuna li għandha interess sesswali fit-tfal, qed tisfrutta l-innoċenza tat-tfal. Qed tisfrutta l-fatt li forsi t-tfal m’għandhomx għarfien u apprezzament ta’ ċertu perikli li jeżistu meta jgħaddu informazzjoni dwarhom infushom, meta jgħaddu ritratti tagħhom infushom, meta saħansitra jiftħu qalbhom dwar problemi jew diffikultajiet li għaddejjin minnhom.” Spjega l-ispettur Zammit.
L-abbuż sesswali onlajn fuq it-tfal hija offiża kriminali li ħafna drabi diffiċli tiġi rrappurtata jew toħroġ fil-beraħ. Dan għaliex il-vittmi huma ta’ età żgħira, u xi drabi dipendenti mill-persuni li jkunu abbużawhom.
Filfatt ħafna mill-każijiet jiġu rrappurtati minn għalliema fl-iskejjel li jinnutaw bidla fl-imġieba taċ-ċkejknin. Barraminnhekk, il-Pulizija tagħmel moniteraġġ b’mod regolari biex tidentifika persuni b’interess sesswali fuq it-tfal.
“Is-Cyber Crime Unit tassisti mill-aspett tekniku biex il-persuni jkunu investigati, jinġabar l-apparat li jkun hemm bżonn jinġabar, dan jiġi analizzat bl-iskop aħħari fl-aħħar mill-aħħar li l-persuna titressaq quddiem il-ġustizzja, u jiġu identifikati t-tfal.” Kompla Zammit.
L-Ispettur Zammit qal li tul il-karriera tiegħu fid-Dipartiment, iltaqa’ ma’ mijiet ta’ każijiet, iżda l-aktar li ħallew impatt fuqu kienu dawk ta’ tfal vittmi Maltin.
“L-iktar każijiet li għandi għal qalbi u li ħallew impatt fuqi kienu każijiet fejn iltqajna ma’ ritratti, ma’ filmati ta’ tfal Maltin, li rnexxielna nidentifikawhom permezz tax-xogħol tagħna fejn waqqafna l-abbuż milli jkompli jsir, irnexxielna nagħtu closure lil dawn il-vittmi ċkejknin u anki rnexxielna nressqu l-persuna quddiem il-ġustizzja.” Esprima l-ispettur
L-Ispettur Zammit kellu messaġġ b’saħħtu: li r-relazzjoni mat-tfal hija investiment, u għalhekk huwa importanti li din tkun b’saħħitha mit-tfulija, biex ġaladarba t-tfal isiru żgħażagħ u jiltaqgħu ma’ xi diffikultà – anki jekk onlajn – iħossuhom komdi jitkellmu u jfittxu l-għajnuna.
“Ma nistgħux nippretendu li meta t-tfal isiru żgħażagħ, jiġu jiftħu qalbhom dwar affarijiet li forsi tul it-tfulija tagħhom ma nkunux tkellimna magħhom dwarhom.” Ikkonkluda Zammit.