Wara li kienet diġà bdiet tinvestiga tniġġis tal-baħar, aktarx fdalijiet tal-fish farms, fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, f’Għawdex, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, qed tanalizza wkoll tixrid ta’ dak li jidher qisu żejt fir-ramel tal-istess żona pittoreska.
Dwar dan il-każ ikkummenta s-Sindku tal-Qala, Pawlu Buttigieg, li, permezz ta’ vidjow fuq il-midja soċjali, wera l-impatt li dan ħalla anke fir-ramel f’qiegħ il-baħar tal-bajja mill-aktar popolari.
Buttigieg sostna li dan iż-“żejt” jinsab madwar il-bajja kollha, bil-baħar issa nadif, iżda r-ramel ġie jwaħħal ħafna u f’ċerti postijiet iebes qisu konkos li lanqas iħallik taqbdu b’idejk.
Buttigieg innota li każ bħal dan qatt ma seħħ qabel u nies, li tkellmu miegħu, qalu li hu diffiċli jneħħu r-ramel minn fuq ġisimhom, anke bl-użu tas-sapun.
Dan wassal ukoll biex il-bajja tkun inqas iffrekwentata, meta bħal dan iż-żmien tkun miżgħuda bl-għawwiema.
Dwar dan irreaġixxiet ukoll l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, li, fi stqarrija, qalet li tinsab imħassba bl-aħbar li affettwat din il-bajja popolari f’Għawdex, li hi waħda minn tlieta li għandhom il-blue flag fil-gżira tat-Tliet Għoljiet.
L-assoċjazzjoni ħeġġet lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-miżuri neċessarji, bil-għan li Ħondoq ir-Rummien terġa’ tkun aċċessibbli għal kulħadd u jitneħħa kull periklu.
Sadanittant, it-Tnejn saret spezzjoni mill-ERA fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien rigward dan iż-żejt, b’mod partikolari fuq ix-xtajta. Preżenti kien hemm id-Direttur Joseph Cutajar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, rappreżentanti mill-ERA, flimkien ma’ Dr Charlon Gouder mill-Federazzjoni Maltija tal-Prodotturi tal-Akkwakultura.
Wara diskussjonijiet bejniethom ġie konkluż li ssir tisfija manwali tar-ramel.