“Investejna u se nibqgħu ninvestu f’livelli edukattivi ogħla”
Dan kien il-messaġġ li għaddew il-Ministru Clifton Grima u d-Deputat Amanda Spiteri Grech waqt Konferenza tal-Aħbarijiet fejn saħqu kif il-familji jixirqilhom garanzija ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’ għal uliedhom.
Din il-konferenza saret fil-ġimgħa li timmarka l-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista li rebaħ l-elezzjoni bil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Huma stqarrew kif dan hu Gvern li jemmen fil-politika tal-inċentiv. Viżjoni ta’ Gvern fejn pajjiżna jkun minn ta’ quddiem nett biex jipprovdi l-mezzi kollha neċessarji u jkompli jissaħħaħ is-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Id-Deputat Amanda Spiteri Grech sostniet li “l-ekonomija moderna titlob żvilupp ta’ ħafna ħiliet u huwa kruċjali li aħna l-politiċi naħdmu biex kulħadd jikseb u jtejjeb dawn il-ħiliet, kull tifel u tifla jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jaħtfu l-opportunitajiet li qed joħloq il-pajjiż… Illum, familji bit-tfal qegħdin noffrulhom kontijiet tal-enerġija stabbli. Żidiet tal-għoli tal-ħajja, żieda fic-children’s allowance u żidiet fit-tax credit u t-tax refund fost benefiċċji oħra. Dawn huma biss parti mill-garanzija għat-tfal li qed nimplimentaw. Garanzija li fiha sett ta’ proposti ntiżi biex l-ebda wild ta’ dan in-nazzjon ma jaqa’ lura.”
Il-Ministru Clifton Grima spjega kif l-investiment fl-edukazzjoni tmur lil hinn minn sempliċiment dik mill-banijiet tal-iskola. “Budget rekord ta’ €846 miljun b’diversi inizjattivi b’investiment ta’ €33 miljun fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet, servizzi b’xejn fosthom trasport, childcare u eżamijiet SEC u MATSEC flimkien ma’ diversi inizjattivi oħra bħaż-żidiet fic-childrens allowance kif ukoll tax credits għal attivitajiet extra kurrikulari u għexieren ta’ benefiċċji oħra li jixhdu kemm dan hu Gvern li jrid li jkompli jsaħħaħ dan is-settur tant importanti f’pajjiżna.