“Għandna elf proposta u, kull ġurnata li tgħaddi, irridu naħdmu biex inwettquhom, u nwettquhom kollha.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’intervista waqt il-maratona tal-ġbir tal-fondi tal-Partit Laburista, li fiha ħadu sehem wkoll id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Daniel Micallef.
Il-Prim Ministru qal li, meta mill-ewwel wara l-elezzjoni l-Partit Laburista fil-Gvern implimenta bidliet li kien wiegħed li kien se jwettaq fl-ewwel mitt jum, ta sinjal ċar tal-impenn tiegħu li jwettaq il-manifest elettorali u tal-prinċipji tiegħu f’din il-leġiżlatura.
It-tmexxija tal-Partit Laburista tkellmet ukoll dwar l-emenda fil-kodiċi kriminali li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament u spjegat kif nibtet minn parir tal-Avukat tal-Istat. “Aħna dawk il-prinċipji għalina huma kruċjali: il-ħajja tal-mara u li nsalvawlha saħħitha minn periklu gravi, f’każi fejn m’hemmx vijabbiltà tal-fetu. Għax fejn nistgħu nsalvaw tnejn, insalvaw tnejn. Issa jekk hemm fejn nirfinaw, biex inserrħu anke ras persuni li jaqblu mal-prinċipji imma jridu iktar serħan il-moħħ, lesti nikkunsidraw. Għalkemm irrid infakkar li l-liġijiet tal-abort b’saħħithom ħafna li hemm illum, kienu u
se jibqgħu hemm,” sostna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru temm b’appell biex in-nies igawdu dan il-Milied ta’ normalità u b’serħan il-moħħ li jgħixu f’pajjiż li jinvesti fihom u li se jibqa’ miexi ‘l quddiem. Huwa qal li “s-sena d-dieħla se tibqa’ tkun sena li fiha se nkomplu ngħinu lin-nies, nieħdu d-deċiżjonijiet biex noħolqu l-opportunitajiet u nwettqu dak li wegħidna u nirriformaw.”