Sar libell dwar rapporti minn The Malta Independent li jinvolvu liċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Rapporti li qalu li fl-HSBC għaddeja investigazzjoni b’rabta ma’ dokument frodulenti li jinvolvi l-Kasco Ltd. li tagħha s-sid huwa l-istess Schembri.
F’dawn ir-rapporti, li oriġinaw mis-sit ta’ Daphne Caruana Galizia, jissemma wkoll Malcolm Scerri, is-Segretarju tal-Kasco Ltd.
Keith Schembri u Malcolm Scerri mill-ewwel ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u fl-aħħar sigħat ippreżentaw kawża ta’ libell fil-Qrati Maltin.
L-artikli li fuqhom qed isir il-libell huma “Panama Papers: HSBC investigation expected into alleged fraudulent documents vouching for Keith Schembri and Malcolm Scerri” u “Probe expected into alleged fraudelent documents vouching for Keith Schembri, Malcolm Scerri.”
Minn tagħrif li għandu one.com.mt jirriżulta li m’hemm ebda investigazzjoni mill-HSBC u ta’ dan saħansitra jeżistu dikjarazzjonijiet ċari. Dikjarazzjonijiet li mistennija jkunu ippreżentati l-Qorti tul is-smigħ tal-kawża.
Kawża li qed issejjaħ bħala responsabbli lil Pierre Portelli, David Lindsay u Stephen Calleja.