Studju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza jitfa’ dawl fuq realtajiet soċjali li ġabet il-pandemija, fosthom inugwaljanzi bejn is-sessi.
Fil-fatt bejn Ġunju u Lulju tas-sena l-oħra rdoppja n-numru ta’ nisa li jagħmlu tlettax-il siegħa jew aktar jieħdu ħsieb lill-uliedhom.
F’dan l-istħarriġ irriżulta li 63% tan-nisa wieġbu li jieħdu ħsieb lill-uliedhom għal kontra ta’ 60.7% li huma rġiel.
Id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa ħarġet ukoll meta l-istħarriġ staqsa dwar is-sigħat li żdiedu għax-xogħol tad-dar.
Hawnhekk kien hawn 58.4% tan-nisa li wieġbu iva kontra l-55.2% tal-irġiel, li wieġbu fl-affermattiv.
Iż-żieda fix-xogħol tal-iskola kienet piż ieħor li refgħuh iżjed in-nisa mill-irġiel.
Hawnhekk kien hemm differenza ta’ 16%.
L-istudju wera wkoll li 52.8% ta’ dawk li wieġbu li rrappurtaw tnaqqis fil-ħin iddedikat għall-kura personali kienu ommijiet bi tfal ta’ ħmistax-il sena jew anqas kontra it-36.8% tal-missirijiet.
Il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza saħqet ukoll li iktar nisa ħassew li r-responsabbiltajiet domestiċi ma kinux maqsuma b’mod ugwali mas-sieħeb tagħhom meta mqabbla ma’ dawk l-irġiel li wieġbu.
Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laivera qalet li matul il-pandemija kien hemm bosta inċentivi biex wieħed jaħdem mid-dar iżda saħqet li ċertu xogħlijiet mid-dar għadhom marbuta man-nisa.
Hija qalet: “Il-mentalità sterjotipata li għandna li għadna nemmnu li ċertu xogħol huwa għan-nisa u dak jibqa’ tan-nisa allavolja hemm it-tnejn, il-mara u r-raġel u forsi partners oħra fid-dar xorta il-persuna prinċipali li ħadet ir-responsabilità u ġarret ir-responsabilità, l-irġiel żdiedu imma l-ikbar xogħol u l-iżjed ħin għamlitu l-mara.”