Is-servizz li jingħataw fid-djar ta’ tfal jew f’entitajiet li joffru servizzi lil tfal li ma jibqgħux jgħixu mal-ġenituri tagħhom huma essenzjali għall-ħarsien tat-tfal.
L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fasslet għadd ta’ standards regolatorji ġodda għal dawn is-servizzi bil-għan jiġi żgurat li t-tfal li jgħixu f’ħarsien alternattiv jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal l-istandards li tnedew għall-konsultazzjoni pubblika se jirregolaw s-servizzi offruti kemm f’residenzi alternattivi bħal djar ta’ tfal u kemm dawk li jingħataw minn xi uffiċċju bħal dak tal-Appoġġ.
L-istandards soċjali regolatorji għal servizzi residenzjali jagħmlu enfasi fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni, il-kwalità u l-ippjanar tal-ħarsien, relazzjonijiet pożittivi, it-tgawdija, l-edukazzjoni u l-kisbiet tat-tfal. Ħafna minnhom japplikaw ukoll għas-servizz bbażati fl-uffiċċju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá Matthew Vella qal li r-regolament l-ġodda jinkludu l-introduzzjoni ta’ pjan għall-kura tat-tfal sabiex ikun hemm gwida ċara li tipprovdi iktar stabbiltà għall-ġejjieni tat-tfal
“L-aspett ta’ care plan. Mela li inti meta tifel jidħol f-alternative care isir pjan ċar. Pjan li llum il-ġurnata l-aktar ħaġa importanti ser tkun il-permanenza. Li inti qed tagħti stabbiltá ta’ dak it-tifel ffejn qed jgħix. Dak it-tifel meta ser isiru r-reviews tiegħu. X’interventi minn professjonisti difserenti jridu jsirusabiex b’dan il-mod.”
Intqal ukoll kif dawn l-istandards jitolbu li l-professjonisti jgħaddu minn proċess rigoruż ta’ skrutinju sabiex b’hekk ikun assigurat l-aqwa servizz għat-tfal.
Dawn l-istandards huma bbażati fuq prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-ġimgħa d-dieħla ser tidħol fis-seħħ il-liġi li se ssaħħaħ l-istandards u d-deċiżjonijiet marbuta mat-tfal taħt ħarsien soċjali.
“Hemmhekk hemm ħafna titjib. Hemm rikonoxximent tar-role tal-foster carers. Qed inħarsu lejn addozzjonijiet iktar faċli. Qed ninsistu li l-minuri kemm jista’ jkun sakemm jifhem biżżejjed għandu jiġi kkonsultat. Għandna deċiżjonijiet li ġew appellabbli li qabel ma kellniex.”
Il-konsultazzjoni pubblika se tagħlaq f’nofs Awwissu u mistennija jidħlu fis-seħħ f’nofs Settembru/