Regoli ġodda dwar il-bini u l-kostruzzjoni jitrattaw il-ħarsien ta’ partijiet terzi u jintroduċu standard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi għal postijiet residenzjali ġodda, fost oħrajn. Dawn ir-regoli kienu ppublikati fil-gazzetta tal-Gvern ta’ nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru.
Ir-regolamenti jistipulaw li kull meta, sa distanza ta’ 10 metri mis-sit tal-kostruzzjoni, issir ħsara f’siti ta’ terzi, l-iżviluppatur irid isewwi u jirrestawra għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom dawk il-partijiet tal-binja li tkun saritilhom il-ħsara.
Anke meta jkun ippruvat li l-ħsara saret fi proprjetajiet lil hinn mill-10 metri indikati, din trid tiġi rranġata. Ir-regolamenti għandhom l-għan ukoll li jipproteġu proprjetà li tappartjeni lill-Gvern u lill-kunsilli lokali.
Waqt li jkunu għaddejjin proġetti f’siti ta’ kostruzzjoni, materjal bħal ramel, siment, laqx u xaħx għandu jiġi trasportat, depożitat u maħżun fis-sit ġo kontenituri riġidi b’għotjien adegwati jew kontenituri flessibli imma sodi li jistgħu jingħalqu b’mod xieraq. Il-materjal għandu jiflaħ il-piż tal-kontenut, dan biex jiżgura l-għeluq totali ta’ dawk il-materjali f’kull ħin u li għandhom jinżammu magħluqa meta ma jkunux qed jintużaw. B’hekk il-ġirien ma jbatux minn trabijiet u inkonvenjenti oħra waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Ġie introdott ukoll standard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi, li japplika għall-postijiet residenzjali ġodda li se jkunu qed jinbnew. Japplika wkoll meta bini eżistenti jkun qed jiġi modifikat b’żieda ta’ aperturi, jew aperturi li jkunu se jerġgħu jinbnew. Dwar dan l-istandard kienet saret konsultazzjoni pubblika mill-BCA f’Novembru li għaddam u d-dokument dwar dan l-istandard issa jinsab hawn.
L-Avviż Legali jinkludi standard ieħor ippubblikat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li jistabbilixxi regolamenti dwar id-dikostruzzjoni jew xogħlijiet ta’ skavar f’siti ta’ kostruzzjoni u kif għandu jkun ittrattat l-iskart ġej minn dawn ix-xogħlijiet b’tali mod li jsir b’mod ikkontrollat.
L-Avviż Legali jinsab fuq is-sit: https://legislation.mt/eli/ln/2022/340/mlt.