Tħabbar sett ta’ għodod leġiżlattivi ġodda li, fost l-oħrajn, jittrattaw regolamenti dwar il-kostruzzjoni u l-introduzzjoni ta’ reġistru ta’ persuni kompetenti fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-lant tax-xogħol.
Dawn se jassiguraw biex ikompli jogħla l-istandard fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, Josianne Cutajar, qalu kif dawn r-regolamenti huma mfassla wkoll biex jevitaw l-aċċidenti relatati max-xogħol, jiżguraw responsabbiltajiet ċari għal dawk kollha involuti fi proġetti ta’ kostruzzjoni, kif ukoll li tiġi żgurata kompetenza tal-persuni li jissorveljaw is-saħħa u s-sigurtà f’dawn is-siti.

Il-Ministru qal li l-Gvern hu impenjat li jmexxi ’l quddiem kultura ta’ aktar sigurtà u responsabbiltà fis-siti tal-kostruzzjoni, li minnhom infushom joffru għadd ta’ riskji.
F’kummenti lil ONE News, Dr Attard qal kif dan kollu qed isir anke wara li ġie fformulat kif se jaħdmu flimkien l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, u l-istess OHSA fl-aħħar jiem, fejn issa se jkun hemm aktar inforzar u qafas ġdid regolatorju.
“Issa qed naraw kif mhux biss l-aspett ta’ inforzar, li dak hu importanti u qed ninvestu ħafna fih, mhux biss mill-aspett ta’ riżorsa umana, imma wkoll mill-aspett ta’ prattiċi li qed jintużaw fl-inforzar, imma qed naraw ukoll li jkun hemm qafas regolatorju abbażi ta’ liġijiet aġġornati li jistgħu verament iwasslu biex ikun hemm dik il-qabża li tagħmel id-differenza fl-aspett tas-saħħa u s-sigurtà fil-kostruzzjoni u anke ngħid b’mod ġenerali fis-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku inġenerali.”
JONATHAN ATTARD
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qalet li dawn ir-regolamenti ġodda se jaraw li jkun hemm żgur project supervisors kompetenti u li jiġu segwiti standards ċari ta’ sigurtà fuq is-siti kollha.
Ma’ dan, ir-reġistru ta’ nies kompetenti se jkun qed jiġi aġġornat biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ professjonalità.
“Fuq kollox iduru ma’ uffiċjal speċifiku, dak li ngħidulu project supervisor għas-saħħa u s-sigurtà fuq is-siti tal-kostruzzjoni, fejn jelenkaw eżatti l-kompetenzi ta’ din il-persuna, kompetenza li taqa’ kemm fuq taħriġ akkademiku, jiġifieri dak li jkun akkwista permezz ta’ studju li jkun għamel, u anke permezz ta’ esperjenza li hu jkollu fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.”
JOSIANNE CUTAJAR

Ir-reġistru aġġornat tal-persuni kompetenti se jkun disponibbli fuq il-websajt tal-OHSA – www.ohsa.mt.
Il-karatteristiċi ewlenin tar-regolamenti l-ġodda jinkludu:
- Project Supervisors Obbligatorji: Il-proġetti kollha ta’ kostruzzjoni mhux domestiċi għandhom jaħtru project supervisors mir-reġistru ta’ persuni kompetenti tal-OHSA.
- Linji Ċari ta’ Awtorità: Il-project supervisors għandhom linji ċari ta’ awtorità u s-setgħa li jwaqqfu x-xogħol, jekk ikun meħtieġ, jekk ma jkunx hemm miżuri ta’ saħħa u sigurtà fis-seħħ.
- Evalwazzjonijiet tar-Riskji Aktar Ċari: Il-kuntratturi kollha u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għandhom jipprovdu valutazzjonijiet tar-riskju bil-miktub.
- Drittijiet u dmirijiet ġodda għall-kuntratturi u l-ħaddiema, fosthom li jridu jaderixxu mad-direzzjonijiet li jagħti l-project supervisor.
- Penali Amministrattivi Ġodda: li jirriflettu l-obbligi tal-partijiet kollha.