Wara li ġiet ikkonfermata l-aħbar li żvela ONE News, jiġifieri kif Charles Bonello se jixħet ismu għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, issa tfaċċa isem ieħor għal din il-kariga, dak ta’ Stefan Caruana, Kunsillier Nazzjonalista fil-Gudja.
ONE News diġà żvela kif Bonello, li hu l-eks Segretarju Personali tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, hu l-għażla tal-fazzjoni li qed tmexxi lill-Kap Bernard Grech minn imnieħru. Saħansitra jirriżulta li għandu wkoll l-appoġġ sħiħ tal-eks Kap Simon Busuttil.
Filwaqt li sorsi midħla tal-PN jgħidu li Bonello hu attivist li dejjem ikkontribwixxa lejn il-Partit, madankollu l-fazzjoni estremista, immexxija mill-Kap de facto Karol Aquilina, u tinkludi lill-eks Deputat u Ministru ta’ żmien GonziPN, Jason Azzopardi, iridu lil Bonello f’din il-kariga għax iqisuh bħala ‘safe’ għalihom u li mhux se joħloq terremoti għall-ħakma li għandhom fuq il-PN.
ONE News informat li kien Lawrence Gonzi li kkonvinċa lil Bonello biex jaċċetta l-kariga hekk kif dan ma kienx konvint li għandu jidħol għal dan il-piż, inkluż bil-problemi finanzjarji serji li għandu l-PN.
Madankollu, fl-aħħar sigħat, il-fazzjoni estremista nħasdet bl-aħbar li, għall-istess pożizzjoni, se jixħet ismu wkoll ċertu Stefan Caruana, attivist Nazzjonalist u Kunsillier tal-PN fil-Gudja, u allura issa jrid ikun hemm elezzjoni interna.
ONE News informat li, wara d-deċiżjoni ta’ Caruana, hemm l-id moħbija ta’ numru ta’ deputati Nazzjonalisti li, fi żmien GonziPN, kienu ngħataw il-ġenb.
Fl-aħħar sigħat kompliet toħroġ il-qasma enormi li hemm fil-PN, hekk kif Emmanuel Galea, li jiġi missier is-sieħba ta’ Adrian Delia, permezz ta’ opinjoni fil-Malta Independent, ikkritika bl-aħrax it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
L-istess artiklu wkoll ixxerred mit-tifla tal-istess Galea u l-partner ta’ Delia, l-Avukat Cynthia Galea.