Grazzi għall-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, il-kumpanija Dino Fino rnexxielha żżid l-ammont ta’ impjegati tagħha filwaqt li rat tkabbir ekonomiku b’saħħtu matul is-sena l-oħra.
Dan intqal waqt żjara mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fl-uffiċini tal-intrapriża fejn ġie nnutat ukoll li l-kumpanija baqgħet tħallas il-pagi tal-impjegati tagħha b’mod normali.
Dr Abela radd ħajr lil dawn il-ħaddiema li taw sehem fis-suċċess li tgawdi minnu din il-kumpanija.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Silvio Schembri faħħar lill-kumpanija għall-operat dinamiku li tħaddan filwaqt li f’taħdidiet mat-tmexxija ta’ Dino Fino ġie rrimarkat li grazzi għall-iskema tal-Covid Wage Supplement l-operat mhux talli baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb iżda rnexxielu jkabbar in-numru ta’ impjegati għal ħamsa u tletin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija stqarr li hu dejjem laqa’ b’idejn miftuħin l-iskemi t’appoġġ li ngħataw mill-Malta Enterprise u l-Gvern.
Hu sostna li dawn l-iskemi kienu strumentali għal Dino Fino biex tkabbar in-negozju u tespandi.
Is-Sur Fino stqarr li l-kumpanija rnexxiela tintroduċi skema ta’ ħlas immirata lejn xerrejja tad-djar biex ikomplu jgħinu lis-sidien billi jkomplu jiffrankaw il-flus.
Hu temm jgħid li din is-sena l-kumpanija ser tkompli tespandi l-orizzonti tagħha permezz ta’ pjattaforma online.