Seba’ timijiet ta’ intraprendituri u riċerkaturi rcivew total ta’ €100,000 fir-raba’ edizzjoni tat-TakeOff Seed Fund Awards. Dawn huma fondi biex tingħata għajnuna lill-intraprendituri u riċerkaturi biex iressqu l-ideat u t-teknoloġiji innovattivi tagħhom eqreb lejn is-suq.
Intraprendituri u start-ups li kienu qegħdin jaħdmu fuq ideat għall-prodotti u servizzi innovattivi setgħu japplikaw għal Seed Funds li jlaħħqu sa €20,000, li huma intenzjonati li jwassluhom pass eqreb lejn l-ewwel klijent jew investiment tagħhom. Riċerkaturi li kienu qegħdin jaħdmu fuq innovazzjonijiet żviluppati permezz ta’ riċerka fl-Università setgħu japplikaw għall-fondi Proof of Concept, bl-għan li jgħinuhom iqarrbu t-teknoloġija tagħhom lejn il-kummerċjalizzazzjoni. Ir-rebbieħa tat-TOSFA se jirċievu wkoll mentoring u appoġġ għall-isforzi tagħhom mit-TAKEOFF u mill-Korporattiva u t-trasferiment ta’ taghrif.
Il-Ministru għall-ekonomija, Chris Cardona qal li inizjattivi bħal dawn huma importanti ħafna għall-intraprendituri, dan hekk kif meta wieħed jibda n-negozju tiegħu jkun affaċċjat b’numru ta’ sfidi u għalhekk permezz ta’ dawn il-fondi, il-Gvern qed jassisti t-talent lokali biex ikun jista’ jiżviluppa. Huwa qal ukoll li l-istart-ups f’pajjiżna qed ikomplu jiżdiedu u li qed naraw aktar intraprendituri jibdew in-negozji tagħhom.
Min-naħa tiegħu r-Rettur tal-Universita, Prof. Alfred Vella qal li inizjattivi bhal dawn diga bdew jipproducu stejjer ta’ success u għalhekk l-Università hija ħerqana biex tara numru akbar ta’ dawn fil-futur.
Din hija inizjattiva tal-Ministeru għall-Ekonomija bl-appoġġ tal-Uffiċċju għar-Riċerka Korporattiva u t-Trasferiment ta’ Tagħrif (KTO), l-Inkubatur tan-Negozju TAKEOFF, u ċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI) tal-Università.